In-nomina ta’ Glenn Micallef għall-Kummissarju mimlija riskji

Xejn mhu ċert jekk tintlaqax in-nomina tal-Gvern Malti għal Glenn Micallef bħala Kummissarju

In-nomina ta’ Glenn Micallef, l-Eks Kap tas-Segretarjat tal-Prim Ministru Robert Abela, tindika kemm Abela ma jixtieqx jagħmel ċaqliq fil-kabinett tal-ministri tiegħu, kif ukoll riluttanza min-naħa tiegħu li jagħmel tibdiliet radikali.

Fl-amministrazzjoni Abela jispikka l-mod kif ma jsirux tibdiliet kbar. Bid-deċiżjoni tal-Qorti din il-ġimgħa fil-konfront tal-każ prima facie kontra Chris Fearne fil-każ Vitals, Abela seta’ javvanza bil-pjan oriġinali tiegħu li jappunta lil Micallef.

Micallef wera interess biex ma jibqax kap tas-segretarjat ta’ Abela u minflok daħal Mark Mallia, persuna viċin ħafna ta’ Robert Abela. Qabel, Mallia, li huwa kkunsidrat viċin il-familja Abela, kien Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta.

Robert Abela iżda jaf li hemm ċans mhux remot li Glenn Micallef, li għadu relattivament żgħir u lanqas għalaq 40 sena, jista’ ma jiġix aċċettat bħala Kummissarju minħabba n-nuqqas ta’ esperjenza politika u għax qatt ma kellu kariga politika eletta. Minkejja li huwa teknokrat kompetenti, m’għandux storja politika warajh.

Il-ħatra ta’ Micallef darset ukoll ħafna ministri li kienu qed jimmaġinaw li jkunu eleġibbli għal din il-kariga. Barra minn hekk, hemm ukoll il-fatt li l-post ta’ Kummissarju s-soltu jingħata lil dawk li ilhom fil-politika u li fuq kollox jistgħu jġibu ċertu gravitas għall-pożizzjoni.

Infatti, meta wieħed iħares lejn il-kummissarji ta’ qabel, naraw kif din il-pożizzjoni hija ħafna drabi riżervata għal persuni b’esperjenza kbira fil-kamp politiku. Kien hemm Joe Borg, John Dalli, Tonio Borg, Karmenu Vella u Helena Dalli.

Il-pożizzjoni ta’ kummissarju ġġib magħha ħafna affarijiet inkluż prestiġju, paga u pensjoni kbira. Fil-fatt, il-paga hija sitt darbiet aktar mill-paga ta’ ministru tal-Gvern Malti u mimlija privileġġi.

Fost dawn il-ministri li wrew interess li jkunu kkunsidrati għal din il-kariga, apparti Fearne, kien hemm Owen Bonnici, Byron Camilleri u Carmelo Abela.  

Intant wieħed irid jara jekk Ursula Von der Leyen bħala President tal-Kummissjoni taċċettax in-nomina ta’ Micallef. Jekk le, Abela se jkollu wġigħ ta’ ras kbira biex isib persuna oħra siewja għal din il-kariga.

More in Politika