M’hemm l-ebda pjan biex titjieb l-infrastruttura f’Għawdex, li aktar ma jmur tkompli tiqdiem, speċjalment fejn tidħol il-provvista tal-enerġija. Dan minkejja d-domanda qawwija dejjem tiżdied li ġab miegħu l-iżvilupp bla xkiel tal-proprjetà fil-gżira, qalu numru ta’ sindki Għawdxin.
Il-biċċa l-kbira ta’ Għawdex kienet bla dawl it-Tnejn filgħaxija u għall-maġġoranza tal-ġurnata tat-Tlieta ta’ din il-ġimgħa. Dan wassal għal frustrazzjoni mifruxa u kundanna mir-residenti talli tħallew lampa stampa mingħajr elettriku f’nofs mewġa ta’ sħana li rat it-temperaturi jogħlew għal qrib it-38 grad celcius.
L-Enemalta qalet li l-qtugħ tad-dawl f’Għawdex kien riżultat ta’ nar li żviluppa fuq cable tad-dawl. Dan in-nirien imbagħad ħakem cable ieħor li jipprovdi l-elettriku lill- kumplament t’ Għawdex.
Filwaqt li membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ħadmu biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni, l-Enemalta kellha titfi l-kumplament tal-cables kollha fi ħdan il-culvert li jipprovdi l-elettriku kollu lil Għawdex.
Is-Sindku Laburist tal-Qala Paul Buttigieg qal lil GozoToday li t-tagħbija fuq l-infrastruttura f’Għawdex qed tiżdied kuljum.
"Ħadd ma jgawdi mis-sitwazzjoni li kellna din il-ġimgħa fejn ma kellna l-ebda enerġija għal sigħat wara xulxin," qal. "Huwa ċar li hemm bżonn li ssir xi ħaġa biex niżguraw li l-infrastruttura tagħna tkun tista' tlaħħaq id-domanda li dejjem qed tiżdied."
Buttigieg żied li aktar kmieni din is-sena l-Kunsill Lokali kien imbarka fuq proġett biex titjieb l-infrastruttura kollha fil-pjazza ewlenija tar-raħal. Dak il-proġett sewa madwar €900,000 u nbidel kollox, speċjalment cables u wires antiki li ilhom snin jokorbu għall-attenzjoni.
"Il-cables għandhom bejn 50 u 60 sena u ma kinux saru bil-ħsieb li jlaħħqu mad-domanda tal-lum," qal Buttigieg. “Almenu sibna appoġġ mill-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli, li l-ministeru tagħha pprovda l-cables ġodda, u l-ministeru t’ Għawdex, li pprovda l-ħaddiema u ħallas għall-installazzjoni tal-cables.”
Qal li proġetti bħal dawn jiswew ħafna flus u mhux mistenni li l-Kunsill Lokali jerfa’ l-ispejjeż li jġib miegħu l-iżvilupp żejjed.
Dan kien imtenni wkoll minn Kevin Cauchi, is-Sindku Nazzjonalista t’ Għajnsielem, li qal li l-qtugħ tad-dawl ta’ din il-ġimgħa ħalla lil ħafna f’limbu.
Qal li l-aktar li jbatu huma l-anzjani u oħrajn li qed ibatu minn ċerti kundizzjonijiet ta’ saħħa.
“Naf ċert li ħafna nies li, pereżempju, kellhom appuntamenti għal MRI scans nhar it-Tlieta, raw l-appuntament tagħhom imħassar u issa jridu jistennew appuntament ieħor,” qal Cauchi. "Oħrajn bi problemi respiratorji kellhom ukoll ifittxu kura urġenti fl-isptar."
Qal li għal dawn l-aħħar sentejn, il-kunsill kien insista li jkun hemm numru ta’ sub-stations tal-elettriku installati jew għallinqas imtejba. Dan wassal biex il-lokalità ma ssofrix qtugħ tad-dawl daqs lokalitajiet oħra f’Għawdex is-sena l-oħra. Iżda din il-ġimgħa wriet li lanqas dan ma kien biżżejjed.
Qal li r-rata mgħaġġla tal-iżvilupp tal-proprjetà f’Għawdex qed tħalli l-marka tagħha fuq l-infrastruttura, u l-problemi mhumiex limitati biss għall-provvista tal-enerġija.
"L-istess żvilupp qed ikollu effett ukoll fuq id-drenaġġ u ż-żieda tal-iskart; żjara ta' malajr sar-Ramla l-Ħamra hija biżżejjed biex wieħed jinnota li hemm meħtieġa azzjoni urġenti,” żied jgħid.
Cauchi qal li l-gvern jeħtieġ li jdaħħal regolament li permezz tiegħu żvilupp fuq ċertu daqs jikkontribwixxi somma lejn il-manutenzjoni u ż-żamma tan-networks tal-elettriku u tad-drenaġġ.
“L-iżviluppaturi għandhom iħallsu wkoll kontribuzzjoni iżgħar lill-Kunsill Lokali, għall-manutenzjoni tat-toroq u l-bankini,” qal Cauchi.
Cauchi nsista li kontribuzzjonijiet bħal dawn ma jfaqqrux lill-iżviluppatur meta tikkunsidra l-proġetti kbar li jkun wettaq.
"Anke żvilupp ta’ 10 units se jagħti lura lill-iżviluppatur minimu ta' €1.5 miljun fi profitt," huwa qal. “Żgur li €50,000 jew €100,000 jistgħu jintużaw biex jaġġornaw u jżommu l-infrastruttura tagħna, u biex il-kunsill lokali jkollu fondi biex iżomm it-toroq u l-bankini sikuri.”
Is-Sindku Laburista tal-Għasri Daniel Attard qal li hu u l-kunsill raw il-qtugħ tad-dawl ta’ din il-ġimgħa bħala nkwetanti ħafna.
“U bħalna, ir-residenti tagħna wkoll inkwetati għax – bit-temperaturi diġà għoljin hekk kif nidħlu fix-xhur tas-sajf – ma jistennewx li jkollhom iqattgħu sigħat f’miżerja kbira.”
Attard qal li din hija kwistjoni allarmanti u problema għal ħafna, u li kulħadd jistenna li l-awtoritajiet fl-aħħar jieħdu azzjoni serja. Mistoqsi jekk ikkuntattjax l-imsemmija awtoritajiet, hu mall-ewwel wieġeb li dan ikun ta’ xejn.
“Huwa ta' xejn li titkellem ma' dan il-Ministru jew l-ieħor, ħadd minnhom ma jista' jgħid li qed jagħmel xi ħaġa biex isolvi din il-problema b'mod effettiv."
Fi stqarrija l-Ħamis, il-Partit Nazzjonalista sejjaħ lil Miriam Dalli biex tispjega x’wassal għan-nar tal-cable tad-dawl li wassal għall-qtugħ tad-dawl f’Għawdex.
“Il-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-Ministru Miriam Dalli biex tkun trasparenti mal-poplu Malti u biex tiddikjara mhux biss il-punt speċifiku fejn seħħ dan l-inċident, iżda wkoll x’wassal għal dan in-nar,” qal il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Ryan Callus. “In-nirien ma jibdewx waħedhom imma huma konsegwenza ta’ xi ħaġa.”