Jo Etienne Abela: ‘Qatt ma bżajt nerfa’ r-reponsabbiltà u mhux se nibża’ issa’
Il-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela qal mal-ILLUM li hu se jerfa’ r-responsabbiltà kollha ta’ dak kollu li qed iseħħ fl-Isptar Mater Dei, filwaqt li qasam mal-gazzetta l-pjan għal l-isptar ġenerali
minn Marianna Calleja
Il-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela qal mal-ILLUM li hu se jerfa’ r-responsabbiltà kollha ta’ dak kollu li qed iseħħ fl-Isptar Mater Dei.
“Fil-karriera twila tiegħi fil-qasam tas-saħħa, qatt ma bżajt nerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħi u mhux se nibda nibża’ issa,” Abela wieġeb.
Il-Ħadd li għadda l-ILLUM irrapportat dwar tħassib li Abela qed iqatta’ ħafna ħin jopera minflok jagħmilha ta’ Ministru tas-Saħħa. Minkejja maħbub u rispettat mill-kollegi professjonali, sors qal lill-ILLUM li dan il-fatt li qed iwassal biex ikun hemm problemi serji f’Mater Dei.
Tistaqsi lill-Ministru dwar il-problemi f’Mater Dei, b’mod partikolari fid-Dipartiment tal-E merġenza, Abela fakkar fil-pjan ta’ riġenerazzjoni u espansjoni mħabbar ftit żmien ilu.
“Il-pjan mhux biss jinvolvi l-espansjoni tal-Emerġenza għal 70 cubicle (id-doppju tan-numru preżenti), talli neċessarjament jinvolvi swali ġodda fi spazju kliniku minflok wieħed amministrattiv,” spjega Abela.
“Fl-aħħar ta’ din is-sena, mistennija tinfetaħ l-ewwel sala ġdida b’okkupanza ta’ 50 sodda. It-tenders għall-espansjoni tal-emerġenza qegħdin jitħejjew f’dan il-ħin.”
Fl-emerġenza bħalissa joqogħdu biss 30 cubicle fil-ħinijiet l-aktar impenjattivi (is-sigħat ta’ waranofsinhar u filgħaxija). In-numru ta’ tobba u speċjalisti jvarja bejn 32 u 35.
“Id-Dipartiment joffri s-servizz ta’ ftit aktar minn tabib għal kull cubicle. Mat-tobba joffru s-servizzi tagħhom għadd kbir ta’ infermiera, carers u staff fl-ambulanzi. Nassigurak li dawn l-impjegati tagħna jagħtu l-100% tas-servizz f’kull ħin.”
“Ta’ Min isemmi li l-ministeru ta direzzjoni sabiex fl-iqsar żmien possibbli kampanja ta’ Edukazzjoni lill-pubbliku tindika u tgħin lill-persuni dwar kundizzjonijiet li jistgħu jiġu trattati f’ċentri barra mill-isptar, sabiex kulħadd jingħata l-aħjar servizz kif xieraq.”
Dak li hu pjanat f’Mater Dei
Pjan tal-Isptar Mater Dei se jara żieda fis-sodod, spinta biex jonqos il-ħin ta’ stennija fid-Dipartiment tal-Emerġenza u r-rilokazzjoni ta’ xi servizzi.
Miżura waħda li għandha tibda topera hija hotline tat-telemediċina biex tipprova tnaqqas in-numri ta’ persuni jistennew fid-Dipartiment tal-Emerġenza. Il-pazjenti jistgħu jċemplu n-numru 1400 qabel imorru l-Isptar Mater Dei.
Wara li jisma’ s-sintomi u l-istorja tal-pazjent, tabib fuq il-linja jagħti parir lill-pazjent fejn għandu jirċievi l-aħjar trattament. Dan ifisser li numru ta’ pazjenti jiġu mibgħuta fiċ-ċentri tas-saħħa lokali minflok lejn id-Dipartiment tal-Emerġenza ta’ Mater Dei. Min-naħa l-oħra, dawk f’kundizzjoni gravi jittieħdu Mater Dei.
Il-Gvern se jmexxi kampanja ta’ informazzjoni biex jippromovi l-hotline.
Il-gvern qed jippjana wkoll li jnaqqas il-ħinijiet ta’ stennija fil-kamra tal-emerġenza billi jesternalizza każijiet inqas kritiċi lil sptarijiet privati.
Se jiġu infurzati wkoll regoli li jeħtieġu li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkollhom assigurazzjoni tas-saħħa privata għall-ewwel sena tagħhom li jgħixu Malta. Dan ifisser li l-ħaddiema mhux tal-UE ma jkunux jistgħu jieħdu kura tas-saħħa mingħajr ħlas għall-ewwel 12-il xahar ta’ residenza tagħhom.
Il-pjan fil-futur qrib hu li l-ġwienaħ tal-binja tal-emerġenza f’Mater Dei tespandi kemm fl-għoli, kif ukoll fil-wisa’. Ladarba jitlesta, id-dipartiment tal-emerġenza se jkollu 70 kubiku, minflok it-30 li diġà għandu.
Dan il-pjan se jiswa lill-Gvern aktar minn €17-il miljun u jakkomoda l-bżonnijiet ta’ Malta għall-20 sena li ġejjin.
Is-sitwazzjoni f’Mater Dei se tinnota bidliet ukoll hekk kif is-sodod f’Mater Dei jridu jiżdiedu b’600. Bħalissa, l-isptar għandu madwar 1,200 sodda.
Ħafna mill-120 impjegat amministrattiv tal-isptar se jiġu mċaqalqa għal uffiċċji barra mill-grounds tal-MDH u f’uffiċċji fis-Swatar fil-viċin. Il-persunal amministrattiv jiċċaqlaq mill-isptar ukoll. Dan se tagħti lok għal żewġ swali ġodda.
L-istess jiġri bi kmamar li bħalissa huma użati biex jaħżnu għodda mediċinali tad-diżinfettar u dokumenti fiżiċi. Dawn se jitmexxew f’ambjent diġitali fil-każ tad-dokumenti, u f’post ieħor fil-każ tal-għodda. Dawn l-ispazji jagħmlu post għal aktar teatri tal-operazzjonijiet.
Il-gvern wiegħed ukoll li se jirranġa u jibni mill-ġdid l-Isptar San Luqa u jċaqlaq numru ta’ servizzi li bħalissa qed jingħataw fl-MDH hemm. Dawn jinkludu kirurġiji ta’ ġurnata, servizzi outpatients, u d-dipartiment dentali. L-iskola medika u tal-infermiera se timxi wkoll fl-isptar San Luqa.
Qed ikun pjanat wkoll li tiżdied il-kapaċità tas-sodod fl-Intensive Therapy Unit minn 20 għal 28 sodda. Dan se jsir billi jiġu ssagrifikati l-kmamar tal-konferenzi.