Tamara Ćapeta, l-Avukat Ġenerali tal-Unjoni Ewropea qed tinsisti mal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea li ‘l-proġett tal-insib,’ “mhux proġett ġenwin ta’ riċerka.”
Huwa għalhekk li qed tissuġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea tiddikjara d-deroga li applikat Malta biex tippermetti l-insib ta’ seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana bħala nuqqas li jkunu osservati l-obbligi tal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea.
“Mhux proġett ġenwin ta’ riċerka meta wieħed jikkunsidra li l-ammont ta’ għasafar li qed jinqabdu, u r-riperkussjonijiet, hu sproporzjonat mal-benefiċċju xjentifiku tal-proġett,” Ćapeta kitbet fil-konklużjonijiet tagħha.
Hija qalet li dak li qed jiġri bl-insib f’Malta qed jikser id-Direttiva dwar l-Għasafar tal-Unjoni Ewropea.
Dawn l-osservazzjonijiet huma parti minn każ li l-Kummissjoni Ewropea fetħet konta Malta, u li fiha qed tkun ikkontestata d-deċiżjoni tal-Gvern Malti li jiftaħ staġun tal-insib “għar-riċerka.”
L-AĠ qalet li Malta għandha titlef il-każ għax naqset milli timxi mal-kundizzjonijiet mitluba bħala parti minn deroga ta’ riċerka.