L-Eks Imħallef Giovanni Bonello jispiċċa minn supretendent tal-Palazz tal-Gran Mastru wara li tħallas €480,000

Il-gazzetta ILLUM tista’ tikkonferma li fl-aħħar snin il-kontribut ta’ Bonello kien ftit li xejn, minkejja li l-ħlasijiet fil-kont tal-bank tiegħu baqgħu għaddejjin

Skrutinju tal-awtoritajiet sab li l-Eks Imħallef Giovanni Bonello waqt li jservi ta’ Supretendent tal-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta, la kien qiegħed jaħdem u lanqas jidher. 

“Nuqqasijiet kien hemm u l-awtoritajiet aġixxew minnufih malli saru konxji tagħhom,” sorsi qalu dan lill-ILLUM.  

Mal-mument li l-awtoritajiet ġew mgħarrfa bin-nuqqas ta’ xogħol, il-ħlas lil Giovanni Bonello twaqqaf immedjatament u bdew proċeduri biex ikunu rkuprati lura flejjes li tħallsu għalxejn. 

F’dan iż-żmien, huwa kien qed jitħallas €40,000 fis-sena u sal-aħħar tal-kariga kien irċieva l-ammont totali ta’ €480,000. 

“Hu magħruf li fuq medda ta’ snin minn meta kien maħtur l-Imħallef Bonello tħallas kważi nofs miljun ewro,” qalu s-sorsi, waqt li kkonfermaw li Bonello twaqqaf iktar kmieni din is-sena. 

Kien il-Prim Ministru Lawrence Gonzi li ħatar lil Bonello f’dan l-irwol, fl-istess ġurnata li tħabbar il-proġett tar-restawr tal-Palazz lura fl-2010 u Bonello baqa’ jitħallas ta’ dan l-irwol sa xhur ilu, anke jekk ma kienx qed jagħti x-xogħol.  

Fil-fatt il-gazzetta ILLUM tista’ tikkonferma li fl-aħħar snin il-kontribut ta’ Bonello kien ftit li xejn.  

Il-ħlasijiet fil-kont tal-bank tiegħu baqgħu għaddejjin sakemm inġibdet l-attenzjoni minn uffiċjali fil-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali l-Arti u l-Gvern Lokali waqt audit, li minkejja l-proġett ħa spinta kbira, Bonello baqa’ m’għamel xejn. 

“Meta għandek persuna li tant titkellem u tikteb fuq is-saltna tad-dritt u l-korrettezza, wieħed kien jippretendi li ma tkunx qed tirċievi ħlas ta’ xogħol li ma kinitx qed tagħmel u ma tgħid xejn,” temm jgħid wieħed mis-sorsi. 

 

 

 

 

More in Politika