L-aġenzija Moody tgħid li Malta ekonomikament b’saħħitha iżda twissi l-Gvern fuq id- defiċit u s-saltna tad-dritt

L-aġenzija Moody’s tgħid li l-ekonomija Maltija hi b’saħħitha, u se tkompli tikber, minkejja l-isfida tal-Gvern biex ‘jikkontrola l-korruzzjoni waqt li jħares l-istat tad-dritt

Il-Moody's tfaħħar it-tkabbir ekonomiku ta' Malta
Il-Moody's tfaħħar it-tkabbir ekonomiku ta' Malta

L-aġenzija ta’ kreditu internazzjonali Moody’s ikkonfermat ir-rating ta’ Malta fil-livell ta’ A2, bi prospetti stabbli.

Dan minkejja li temmen li l-pajjiz qed jaffaċja sfidi biex jagħlaq id-defiċit fiskali tiegħu u biex jikkontrolla l-korruzzjoni waqt li jħares l-istat tad-dritt.

Ekonomisti fi ħdan l-aġenzija bassru li fis-sena 2024, l-ekonomija Maltija se tikber b’4.5%, waqt li d-domanda domestika se tkun b’saħħitha u  appoġġjata minn żieda fil-pagi.

Huma bassru li l-industrija tat-turiżmu se tibqa’ waħda b’saħħitha. Intant, l-ekonomisti qalu li għas-sena d-dieħla, it-tkabbir ekonomiku hu mbassar li jkun fil-livell ta’ 3.7%.

L-aġenzija faħħret kif minkejja ċ-ċokon tal-pajjiż, din l-ekonomija baqgħet diversifikata.

Madankollu ġew innotati l-isfidi li qed jaffaċja l-pajjiż biex iżomm id-dejn moderat filwaqt li l-Gvern jippenja ruħu b’riformi istituzzjonali fosthom biex ikun żgurat infurzar aktar effettiv fir-regolamentazzjoni finanzjarja.

Fost l-isfidi għal Malta li semmiet din l-aġenzija ta’ kreditu internazzjonali hemm id-defiċit fiskali u t-tħassib dwar is-saltna tad-dritt u l-kontroll tal-korruzzjoni fil-pajjiż.

More in Politika