Inkjesta Vitals: Kapijiet ta' Vitals, Steward u Accutor fost 34 persuna b'akkużi ġodda

Investigaturi jirrakomandaw akkużi kontra it-tielet grupp ta' persuni, kumpaniji, u proprjetajiet, fosthom Vitals, Steward Health Care, Accutor u s-sidien tagħhom • Dawk kollha msemmija f'dan il-grupp huma maħsuba li joqogħdu barra minn Malta

Shaukat Ali Chaudhry (xellug) u Sri Ram Tumuluri (lemin)
Shaukat Ali Chaudhry (xellug) u Sri Ram Tumuluri (lemin)

Persuni li jmexxu Vitals, Steward u Accutor huma fost lista ta’ 34 individwu li qed jiġu akkużati b’konnessjoni mal-inkjesta maġisterjali dwar it-tliet sptarijiet pubbliċi li nbiegħu lil Vitals.

L-akkużi kienu rrakkomandati mill-investigaturi, kontra r-raġel maħsub li kien qed imexxi Vitals, Shaukat Ali Chaudhry, id-diretturi maniġerjali, Sri Ram Tumuluri, u Mark Edward Pawley, il-Kap Eżekuttiv ta’ Vitals. Hemm akkużi ukoll kontra d-direttur maniġerjali Armin Ernst, il-Kap Eżekuttiv ta’ Steward Ralph De La Torre, u s-sid ta’ Accutor AG Attaul Wasay Bhatti .

L-akkużi kriminali kontrihom huma: ħasil ta’ flus, konfoffa kriminali u t-tixħim tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-eks ministru Konrad Mizzi u l-eks chief of staff tal-OPM Keith Schembri.

L-investigaturi rrakkomandaw ukoll li Chaudhry u Tumuluri jiġu akkużati li għamlu qligħ frawdolenti u li kisbu flus b’pretenzjonijiet foloz. Dan filwaqt li jakkużaw lil Tumuluri, Pawley, u Ernst b’allegata falsifikazzjoni ta’ dokumenti – b’Pawley jiffaċċja wkoll allegazzjonijiet li għamel dikjarazzjoni falza f’dokument pubbliku.

L-investigaturi jkomplu jemmnu li Chaudhry għandu jiġi mixli li allegatament ippromwova organizzazzjoni biex twettaq reat u kompliċità fil-kriminalità, filwaqt li Tumuluri għandu jiġi mixli b’allegat frodi għad-detriment tal-kummissarju tat-taxxa.

Is-sitt individwi, flimkien ma’ 28 oħra, li jvarjaw minn membri tal-familja sa imsieħba fin-negozju u impjegati, jiffurmaw it-tielet grupp li se jiffaċċja akkużi kriminali serji b’rabta ma’ din l-inkjesta. Dawk kollha msemmija f'dan il-grupp huma maħsuba li joqogħdu barra minn Malta.

L-investigaturi rrekomandaw ukoll akkużi kontra 31 kumpanija, jew proprjetà, inklużi Vitals Global Healthcare Limited, Steward Healthcare International Limited u Accutor Consulting AG.

More in Politika