'Araw minn xix għaddiekom': Abela jitfa' l-ħtija tal-frodi elettorali fis-Siġġiewi fuq il-PN

Il-Prim Ministru Robert Abela tefa’ l-ħtija fuq il-Partit Nazzjonalista, għax kien hu li “ppersekuta” lir-residenti manipulati fil-każ tal-akkomodazzjoni soċjali fis-Siġġiewi

Il-Prim Ministru Robert Abela tefa’ l-ħtija fuq il-Partit Nazzjonalista li “ppersekuta” lir-residenti li ġew manipulati biex ibiddlu l-indirizz tagħhom f’sit ta’ kostruzzjoni tas-Siġġiewi qabel l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u tal-UE li ġejjin.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ordnat lill-Kummissjoni Elettorali tirrevoka l-bidla fl-indirizz għall-blokk fis-Siġġiewi, liema bini għadu qed jitlesta.

Hija nnotat kif kienu uffiċjali pubbliċi li għaġġlu l-applikazzjonijiet sabiex ibiddlu l-indirizz tagħhom, hekk kif ċanfret ukoll lill-awtoritajiet li rriskjaw li r-residenti jsiru kompliċi fir-reati tagħhom.

It-Tnejn filgħodu, Abela ddefenda l-entitajiet governattivi u uffiċjali pubbliċi li suppost huma suġġetti ta’ investigazzjoni tal-pulizija.

Abela stqarr li hu, “aktar imħasseb dwar il-persekuzzjoni li għamel il-PN kontra 84 familja.”

Meta ppressat fuq in-nota tal-Qorti dwar attivitajiet frawdolenti involuti fil-każ, Abela qal li l-frodi qed jagħmlu l-PN meta jfalli milli jippubblika l-kontijiet tiegħu.

Jirritorna għall-każ tas-Siġġiewi, Abela qal li l-PN dejjem kien kontra l-proġett tal-akkomodazzjoni soċjali, hekk kif akkuża lill-partit li hu, “partit indifferenti mill-bżonnijiet ta’ grupp ta’ nies li jeħtieġu l-għajnuna.”

Intant, Abela ma weġibx meta mistoqsi jekk ir-rwol tal-Ministru tad-Djar Roderick Galdes huwiex tenibbli fid-dawl tas-sentenza.

“Il-qorti ħadet id-deċiżjoni tagħha. Wieħed jista’ jaqbel jew ma jaqbilx magħha imma rridu nirrispettaw id-deċiżjoni,” qal Abela.

Abela temm billi appella lir-residenti inkwistjoni li issa se jkunu qed jivvutaw barra s-Siġġiewi, biex jiftakru "minn xiex għaddihom il-PN."

Jirreaġixxi għal dan, il-PN qal li l-PL qed iqarraq u jimmanipula lin-nies biex “jisirqu” il-kunsill tas-Siġġiewi.

“Minkejja d-deċiżjoni tal-Qorti, Abela qed ikompli jattakka lill-PN talli żvela l-azzjonijiet frawdolenti tal-gvern,” qal il-PN.

“L-uniku persuna responsabbli għall-persekuzzjoni huwa Robert Abela, li poġġa lill-votanti f’inkwiet legali f’tentattiv biex jipprova jisraq lill-Kunsill tas-Siġġiewi permezz ta’ qerq u frodi.”

More in Politika