'L-uniku interess ta’ Scicluna huma l-flus li qed idaħħal minn fuq dahar il-poplu' - PN

Jitkellmu f'konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Bank Ċentrali, kelliema tal-PN tennew li l-pożizzjoni ta’ Edward Scicluna qed tħalli ħsara kbira minħabba li 'persuna f’kariga għolja jinsab akkużat b’reati ta’ frodi'

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-uniku interess ta’ Edward Scicluna huma l-flus li qed idaħħal f’butu minn fuq dahar il-poplu Malti u Għawdxi.

“Hu għandu r-responsabbiltà li jirriżenja jew jitneħħa minnufih minn Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta,” il-PN qal f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Bank Ċentrali.

Preżenti fil-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm il-Kelliema Nazzjonalisti Graham Bencini u Jerome Caruana Cilia, kif ukoll mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew u Kandidat David Casa.

ARA UKOLL: ‘Ma xbajtx titħanżer?’: Il-MPE David Casa f’azzjoni barra l-Bank Ċentrali ta’ Malta

Il-kelliema qalu li jekk Edward Scicluna, li ismu kien implikat fl-Inkjesta Vitals, jibqa’ f’din il-pożizzjoni tant importanti, ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna se tibqa’ ssirilha ħsara irreparabbli.

“Dan aktar u aktar meta Robert Abela qed jibqa’ jiddefendih għax fi kliemu stess “jaf x’raġel hu”.

Tennew li l-pożizzjoni ta’ Edward Scicluna qed tħalli ħsara kbira minħabba li persuna f’kariga għolja jinsab akkużat b’reati ta’ frodi.

“Il-ħsara li għaddejja b’din il-kriżi li qed jaffacja l-Gvern ma saritx biss f’pajjiżna, iżda nxterdet ukoll f’pajjiżi internazzjonali. Hu għalhekk li jenħtieġ nifs ġdid fil-politika.”

Il-kelliema komplew li Edward Scicluna jew persuni oħrajn qatt m’għandhom jingħataw xi preferenza għax għandhom kariga għolja.

More in Politika