Borg jikkundana l-użu tal-forza kontra dimostranti fit-toroq ta' Ġeorġja

Fl-indirizz tiegħu fi Tbilisi, il-Ġeorġja stess, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ian Borg, fil-kapaċita tiegħu bħala ċ-Chairperson tal-OSCE kkundana l-użu ta' forza kontra dimostranti fit-torqo Ġeorġjani

Jindirizza l-protesti paċifiċi, Ian Borg, iċ-Chairperson tal-OSCE u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin, ikkundanna l-użu tal-forza kontra d-dimostranti.

Fl-indirizz tiegħu fi Tbilisi, il-Ġeorġja, Borg qal li l-aggressjoni u l-intimidazzjoni mhux lokhom ma’ dimostranti li jkunu qed jeżerċitaw dritt bażiku tagħhom.

Borg qal li d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, fosthom dak li wieħed jipprotesta b’mod paċifiku, m’humiex negozzjabbli.

Żied jgħid, li dawn id-drittijiet huma ta’ prijorità għall-OSCE u huma essenzjali f’kull soċjetà demokratika.

In-nies ħadu t-toroq fi protesti kontra liġi li bosta ċittadini qed iqisuha “imposta mir-Russja,” minħabba l-mod kif thedded id-demokrazija u l-libertà tal-kelma, kif ukoll l-aspirazzjoni tal-pajjiż li jissieħeb fl-Unjoni Ewropea.

Il-liġi inkwistjoni qed titlob lill-midja, u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u dawk mhux kummerċjali jirreġistraw ruħhom bħala entitajiet barranin, f’każ li aktar minn 20% tal-finanzjament tagħhom, jiġi minn barra l-pajjiż.

Fil-Ġeorġja, il-Ministru Borg kellu għadd ta’ laqgħat mal-awtoritajiet tal-pajjiż u tal-Unjoni Ewropea, u m’organizzazzjonijiet ċivili. Iż-żjara ssegwi oħra fl-Armenja u fl-Ażerbajġan.

More in Politika