Metsola u Agius Saliba fuq quddiem imma 60% tal-Laburisti indeċiżi
Sondaġġ kandidati: 16% jagħżlu lil Metsola u 8% lil Alex Agius Saliba. 60% tal-votanti Laburisti indeċiżi
More in Politika
Sondaġġ kandidati: 16% jagħżlu lil Metsola u 8% lil Alex Agius Saliba. 60% tal-votanti Laburisti indeċiżi
Sondaġġ tal-gazzetta MaltaToday juri li 16% beħsiebhom jagħtu l-ewwel preferenza lil Roberta Metsola u 8% beħsiebhom jivvutaw għal Alex Agius Saliba.
Waqt li Metsola tirbaħ 46% tal-voti tal-votanti Nazzjonalisti, Agius Saliba jirbaħ 20% tal-votanti Laburisti. Imma waqt li 60% tal-Laburisti huma indeċiżi fuq liema kandidat se jivvutaw, l-indeċiżjoni tonqos għal 43% fost in-Nazzjonalisti. Waħda mir-raġunijiet għal dan tista’ tkun, kemm l-inċertezza dwar il-kandidatura ta’ Muscat, kif ukoll l-assenza ta’ kandidati stabbiliti fil-line up tal-PL.
L-istħarriġ, li saqsa wkoll għat-tieni preferenza ta’ dawk li se jivvutaw lil Metsola u ’l Agius Saliba, juri li t-tiġrija fil-PN għat-tieni u t-tielet siġġu hi bejn David Casa u Peter Agius. Fil-Partit Laburista hemm tiġrija miftuħa bejn Steve Ellul, Daniel Attard u Clint Flores.
Jonqos id-distakk hekk kif iktar Laburisti jgħidu li mhux se jivvutaw
L-istħariġ juri li l-Partit Laburista għadu jgawdi vantaġġ komdu ta’ 17,000 vot fuq il-Partit Nazzjonalista skont stħarriġ tal-MaltaToday.
Imma minkejja li l-oppożizzjoni kważi ma gwadanjat xejn, meta wieħed iqabbel ma’ stħarriġ li sar f’Marzu, id-distakk naqas bi kważi 12,000 vot.
Dan minħabba li l-fatt li l-astensjoni fost dawk li vvutaw lill-PL fl-aħħar elezzjoni telgħet minn 14% għal 23%.
L-istħarriġ jista’ jitqies bħala ritratt tal-elettorat qabel il-bidu uffiċjali tal-kampanja elettorali u ġie konkluż qabel l-aħħar kontroversja politika dwar l-inkjesta maġisterjali fuq il-bejgħ tal-isptarijiet.
L-istħarriġ sar fi żmien ta’ inċertezza fost il-Laburisti dwar il-kandidatura ta’ Joseph Muscat wara li f’Marzu, Muscat innifsu kien qal li qed jikkunsidra li joħroġ. Dan kien qajjem entużjażmu ikbar fost il-Laburisti tant li f’Marzu l-PL kellu vantaġġ ta’ 29,000 vot hekk kif dawk li beħsiebhom ma jivvutawx kienu naqsu b’mod sinifikanti.
L-istħarriġ li sar f’April juri li l-astensjoni fost il-Laburisti reġgħet bdiet tiżdied hekk kif beda jidher li Muscat ma kienx se joħroġ bħala kandidat. Wieħed issa jrid jara jekk il-PL hux se jirbaħ lura dawn il-votanti fid-dawl tal-aħħar kontroversja dwar l-inkjesta tal-maġistrat.