'Agħżlu d-djalogu, mhux il-forza'- Borg waqt laqgħa għolja mal-Kunsill ta’ Koperazzjoni fil-Golf

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg saħaq fuq l-importanza ta’ waqfien mill-ġlied immedjat fil-Lvant Nofsani waqt laqgħa għolja tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin Ewropej mal-Kunsill ta’ Koperazzjoni fil-Golf

Ritratt: DOI
Ritratt: DOI

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg saħaq fuq l-importanza ta’ waqfien mill-ġlied immedjat fil-Lvant Nofsani waqt laqgħa għolja tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin Ewropej mal-Kunsill ta’ Koperazzjoni fil-Golf. 

Il-laqgħa, li seħħet sabiex tiġi diskussa s-sigurtà u l-koperazzjoni reġjonali, saret il-Lussemburgu, it-Tnejn filgħaxija.

Il-Kunsill ta’ Koperazzjoni fil-Golf (GCC) huwa organizzazzjoni reġjonali li tgħaqqad flimkien il-Baħrejn, il-Kuwajt, l-Oman, il-Qatar, l-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda.

Waqt id-diskussjoni, il-Ministru Borg spjega li Malta se tkompli tafferma l-importanza tad-djalogu u negozjati effettivi f’kull livell internazzjonali. Fil-fatt, hu diġà wassal din is-sejħa għad-djalogu lill-kollegi tal-Israel, l-Iran, il-Palestina, l-Istati Uniti u l-Arabja Sawdija fil-jiem li għaddew.

“Hekk kif enfasizzajt waqt il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, waqt dibattitu mmexxi minn Malta l-ġimgħa li għaddiet, jeħtieġ li niffukaw l-attenzjoni tagħna mill-ġdid fuq Gaża, u naħdmu lejn waqfien mill-ġlied immedjat u permanenti, il-ħelsien tal-ostaġġi, u għajnuna umanitarja adekwata,” żied jgħid.

Il-ġuħ f’Gaża, in-numru dejjem jiżdied ta’ mwiet u t-tifrik, flimkien mal-eskalazzjoni fix-Xatt tal-Punent u fil-Lvant ta’ Ġerusalem qed ikomplu joħolqu tħassib kbir. “Is-sejħa tagħna lill-Iżrael biex tevita invażjoni f’Rafah għandha tkun imtennija bl-aktar mod ċar,” fakkar il-Ministru Borg.

Malta qed tirrikonoxxi wkoll id-dikjarazzjonijiet pożittivi ta’ Iżrael li saru dan l-aħħar dwar il-ftuħ mill-ġdid t’aktar aċċessi, u l-ftuħ t’aċċessi ġodda, għat-tramuntana ta’ Gaża. Dan l-isforz għandu jissaħħaħ biex jiġi żgurat li l-għajnuna umanitarja tilħaq lill-komunitajiet li tant għandhom bżonnha.

Il-ministru rrefera wkoll għas-sitwazzjoni fil-Baħar l-Aħmar u fl-Istrett ta’ Bab el-Mandeb, u nnota li l-attakki kontinwi tal-Houthi fuq bastimenti kummerċjali jeħtieġ jieqfu, sabiex jiġi evitat ir-riskju li jintilfu l-passi ’l quddiem għall-paċi li saru fil-Jemen.

Filwaqt li enfasizza l-impenn tal-Istati Uniti, l-Eġittu u l-Qatar sabiex terġa’ tissokta l-istabbiltà fir-reġjun, mill-ġdid sejjaħ għal iżjed ħidma lejn in-negozjati għall-paċi. “F’dan l-istadju kruċjali, huwa ferm aktar importanti li d-djalogu u n-negozjati jirrenjaw fuq kollox, għaliex mingħajrhom tkompli tiżdied il-possibilità t’aktar eskalazzjoni,” temm jgħid il-Ministru Borg.

More in Politika