Metsola timmira għal rekord ta’ voti; nuqqas ta’ apprezzament għall-kandidatura ta’ Peter Agius

Casa u Metsola b’għajnuna finanzjarja kbira mill-EPP

Roberta Metsola
Roberta Metsola

Nies għoljin fil-Partit Nazzjonalista kkonfermaw mal-gazzetta Illum, li Roberta Metsola, il-President tal-Parlament Ewropew kienet favur u wriet appoġġ għall-kandidatura ta’ David Agius, id-Deputat Nazzjonalista, imma l-ebda jew ftit li xejn entużjażmu għall-kandidatura ta’ Peter Agius li jaħdem bħala uffiċjal fil-Kummissjoni Ewropea. 

David Agius, għalkemm mhux popolari daqstant fil-partit, se jiggwadanja minħabba l-effett tal-alfabett. Agius huwa kkunsidrat bħala politiku average li mhux kapaċi jartikola argument u ħafna drabi jħawwad il-fatti. 

Min-naħa l-oħra, Peter Agius huwa meqjus bħala kandidat aktar serju minn David u jinsab aktar popolari man-nies imma nies fil-kamp ta’ Metsola mhumiex qed ituh palata. Anzi l-oppost. 

Anke fil-Kummissjoni Ewropea fejn jaħdem qed isib ħafna intoppi, b’rapporti u mistoqsijiet fuqu biex jimbarazzawh u jostakolawh f’xogħlu. Mhux magħruf min qed jagħmel dawn il-mistoqsijiet. 

Metsola, minkejja l-popolarità tagħha man-Nazzjonalisti, mhix maħbuba daqstant min-nies fil-PN. Warajha hemm persuni bħal Richard Cachia Caruana, il-persuna li kien il-moħħ għal snin twal fil-PN, u nies oħra bħal Gordon Pisani, persuna assoċjata mal-PN fl-agħar żmien ta’ Lawrence Gonzi. 

Metsola, omm ta’ erbat itfal, issa għamlitha ċara mat-tim tagħha li mhix se tikkontesta għat-tmexxija tal-PN u ħarsitha hija purament fuq l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropej u wara fuq il-kariga ta’ President u fuq l-ambizzjonijiet tagħhom fi Brussell. 

Nies qrib tagħha qalulna li hi tibbrilla f’ambjent politiku regolat u strutturat bħalm’hemm Brussell u tibża’ mill-ambjent politiku lokali għax huwa mimli sorpriżi u intoppi mhux previsti. U kif rajna matul din is-sena f’sitwazzjoni ta’ kontroversja u reazzjonijiet, Metsola titlef il-fokus u ma tkunx tista’ topera sew. 

Kandidati għall-MEP f’isem il-Partit Nazzjonalista lmentaw ma’ din il-gazzetta li jidher ċar li l-EPP qed tgħin il-parlamentari Metsola u Casa, u l-għajnuna finanzjarja tagħmilha impossibbli li huma jikkompetu fuq l-istess livell. 

Minkejja kollox, l-istatura għolja ta’ Metsola fuq livell internazzjonali hija bla preċedent u ma jeżisti l-ebda kandidat li jista’ jibbrilla magħha sewwa mill-PN u l-PL; ħlief għall-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, li skont nies qrib tiegħu issa ddeċieda li ma jikkontestax f’isem il-Partit Laburista. 

More in Politika