
Jirbħu tender ta’ miljuni bil-ħila ta’ George Farrugia – il-moħħ wara l-iskandlu taż-żejt
Farrugia kien kruċjali biex Bonnici Brothers jirbħu tender imdaqqas ta’ madwar 37 miljun biex jibnu power station żgħira għall-Enemalta
minn Staff Reporter

Il-memorja qasira tal-pubbliku u tal-politiċi taż-żewġ naħat hija xokkanti. Għaddew għaxar snin mill-iskandlu taż-żejt fejn rajna lil George Farrugia bħala l-moħħ ċentrali wara l-iskandlu taż-żejt fl-Enemalta.
Għaxar snin wara li Farrugia ngħata maħfra Presidenzjali rajnieh imexxi d-dipartiment kummerċjali tal-enerġija fil-kumpanija privata Bonnici Brothers.
Farrugia kien kruċjali biex Bonnici Brothers jirbħu tender imdaqqas ta’ madwar 37 miljun biex jibnu power station żgħira għall-Enemalta. U dan minkejja l-fatt li l-Enemalta kienu jafu li l-moħħ wara dan it-tender kien Farrugia stess, li serva bħala konsulent ma’ din il-kumpanija.
“Imnalla n-nies jinsew u l-oppożizzjoni mejta għax kieku b’dan it-tender kien ikollna tsunami,” sorsi għoljin fil-Gvern qalu lil din il-gazzetta.

Tender li jiswa' madwar €40 miljun
Għaxar snin ilu, Malta rat wieħed mill-akbar skandli taż-żejt, bil-protagonist ta’ kollox ikun George Farrugia.
B’maħfra presidenzjali fil-but, Farrugia beda jmexxi d-dipartiment kummerċjali tal-enerġija fi ħdan il-kumpanija Bonnici brothers.
Kien bis-saħħa tiegħu li din il-ġimgħa setgħu jħabbru li rebħu tender imdaqqas ta’ madwar 37 miljun biex jibnu power station ta’ emerġenza għall-Enemalta.
George Farrugia kien ġie arrestat mill-Pulizija f’Jannar tal-2013 wara storja li dehret fil-gazzetta oħt MaltaToday fejn kien intwera li dan kien ċentrali biex tenders għaż-żejt jintrebħu ma’ ditti barranin mal-Enemalta.
Dakinhar kienu ġew żvelati emails fejn persuni kellhom mhux biss kuntatti ma’ diriġenti kbar taż-żejt imma wkoll ingħataw flejjes kbar f’kontijiet bankarji barra mill-pajjiż.
Farruga kien il-moħħ ta’ dan kollu, u apparti li kien jagħmel l-arranġamenti ta’ kollox, kien ħeba kollox minn ħutu li kienu magħrufin bħala ta’ John’s Garage u kien ħoloq kumpanija minn wara daharhom fejn kien qed jirċievi flejjes kbar mill-kumpaniji barranin taż-żejt fosthom it-Total.
Il-każ kollu kien ċentrali qabel l-elezzjoni tal-2013 fejn il-Kap tal-Partit Laburista ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat kien għamel festa kbira biex ipinġi l-oppożizzjoni Nazzjonalista bħala waħda korrotta.
Numru ta’ konsulenti kbar kienu ġew mressqin bi frodi u ħasil tal-flus, u dawn kienu jinkludu lil Ċikku Portelli, il-Kap tal-Virtù Ferries, Tancred Tabone, is-sid tal-Forestals, u Frank Sammut, konsulent fix-xiri taż-żejt. Il-każ tagħhom, minkejja l-gravità tiegħu, għadu pendenti quddiem il-Qorti u t-tlieta li huma għadhom joperaw friski daqs ħassa fil-kamp tal-kummerċ.
George Farrugia kien evita proċeduri kontrih għax kien ingħata maħfra presidenzjali fuq l-insistenza ta’ Lawrence Gonzi, dakinhar Prim Ministru. Il-mara ta’ Farrugia kienet segretarja ta’ Gonzi meta kien jaħdem ma’ ditta privata meta kien għadha speaker.
Imma ħadd qatt ma bassar li Farrugia kien se jkollu l-ardir biex jirritorna f’xogħol marbut ma’ l-Enemalta. Fil-frattemp, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, minkejja d-diskors nobbli dwar il-kontabbilità, hija siekta fuq każ ċelebri bħal dan.

Dwar it-tender
UNEC Ltd., propjetà ta’ Bonnici Brothers, ingħatat tender mill-Enemalta biex tibni impjant tal-enerġija ta’ emerġenza ta’ €37 miljun f’Delimara.
L-UNEC Ltd kienet waħda mill-erba’ kumpaniji li ressqu offerta għat-tender, u kienet l-unika kumpanija Maltija li għamlet dan.
Il-kumpaniji l-oħra għandhom sal-15 ta’ April biex jippreżentaw oġġezzjoni.
Aktar kmieni din is-sena, il-MaltaToday irrapportat kif iċ-Chairman tal-Enemalta Ryan Fava wissa li l-kumpanija ma tkunx f’pożizzjoni li tiggarantixxi lill-pajjiż “sigurtà tal-provvista tal-enerġija” matul ix-xhur tas-sajf, mingħajr “impjant ta’ emerġenza” ġdid ta’ 60MW “temporanju” li jaħdem bid-diesel f’Delimara.
L-UNEC Ltd hija obbligata tibni l-faċilità ta’ emerġenza li taħdem bid-diesel f’Delimara, li tibda topera mhux aktar tard mill-bidu ta’ Lulju, u li tmexxi l-operat tagħha għal sentejn, sakemm jiġi stabbilit interconnector taħt il-baħar sekondarju bejn Malta u Sqallija.
L-impjant il-ġdid, li jista’ jintuża għal massimu ta’ 500 siegħa fis-sena, se jikkonsisti f’żewġ ġeneraturi li jaħdmu biż-żejt tal-gass f’kontejners li jinsabu fil-konfini tal-power station eżistenti ta’ Delimara.
L-impjant mistenni jiswa lill-Enemalta €46 miljun fuq perjodu ta’ 27 xahar.
Id-deċiżjoni li jinvesti fl-impjant il-ġdid temporanju tħabbret pubblikament mill-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli f’Novembru 2023, meta qalet li l-Gvern kien qed jalloka €12-il miljun għal sors ta’ enerġija li jista’ jiġġenera 60MW żejda ta’ elettriku jekk wieħed mill-provvisti tal-enerġija eżistenti jkollhom jiġu interrotti b’xi mod.