Mingħajr ma jinklonkludi jekk hux se joħroġ għall-elezzjonijiet ta’ Ġunju li ġej, Joseph Muscat ħeġġeġ il-folla miġbura fi Pjazza Tritoni biex joħorġu jivvottaw.
Jitkellem fl-attivita politika organizzata mill-Ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba, Muscat qal lil Laburisti miġbura quddiemu li l-mistoqsija li għandhom jistaqsu hi jekk humiex se joħoġu jivvotaw.
Fl-aħħar xhur il-midja kienet mimlija b’spekulazzjonijiet tar-ritorn tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, b’numru ta’ persuni, inkluż il-preżentatur Manuel Cuschieri, illi Muscat se jkun qed jitfa’ ismu għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Min-naħa tiegħu Muscat għadu jrid jaqtala’ rasha, iżda fl-istess l-aħħar xhur għamel numru ta’ intervisti, u żar numru ta’ attivitajiet, b’tas-Sibt quddiem il-funtana Tritoni tkun l-ikbar folla sa issa.
Muscat kien irriżenja minn Prim Ministru f’Jannar tal-2020, wara taqlib politiku, u numru ta’ protesti. Kien għalhekk li fid-diskors tiegħu, Muscat għamel minn tal-inqas 25 minuta jiddefendi l-legat tiegħu bħala mexxej ta’ Malta.
Isemmi r-roħs fil-kontijiet tal-eneġija, ir-rata ogħla ta’ impjieg, l-ugwalità, l-IVF u ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess, Muscat elenka dak li skont hu “mexxa l-pajjiż ‘il quddiem.”
Jirreferi għall-inkjesta maġisterjali miġjuba kontrih, huwa tenna kemm -il darba li hu ma jibżax mill-iskrutinju.
“Ma nibżax li nmur il-Qorti u lanqas il-ħabs. Kienu jheddu l-Laburisti li sejrin l-infern, mela għaliex gaħndi nibża li nmur il-ħabs?”
Assigura li minkejja “l-umiljazzjoni” li provaw jisforzaw fuq familtu, meta l-pulizija fittxew f’daru, ġaladarba xi ħadd jerġà jfittex, ma jsib xejn.
Biċ-ċapċip u l-għajta qawwija ta’ “Joseph Joseph,” il-lejl kompla b’diskorsi oħra fosthom tal-MPE Laburista u eks Prim Ministru Alfred Sant, u l-ministri Ian Borg u Silvio Schembri.
Fid-diskors tal-persuna li propja organizzat l-attività, Alex Agius Saliba, huwa talab lill-partitarji quddiemu biex joħorġu jivvotaw.
Huwa wiegħed li hu se jkompli jiġġieled għall-interessi tal-pajjiż, u li flimkien mal-kollegi tiegħu se jassigura l-paċi.