Il-Marsa, il-Ħamrun u Ħal Qormi bl-iktar rapporti ta’ traffikar tad-droga fl-2021 u l-2022

Statistika ġdida ppreżentata fuq il-mejda tal-Kamra din il-ġimgħa tat dawl fuq is-sitwazzjoni tad-droga speċjalment fil-Marsa, fil-Ħamrun u f’Ħal Qormi, it-tliet lokalitajiet bl-aktar rapporti fl-2021 u l-2022

Jonqsu b’44 każ, ir-rapporti tat-traffikar tad-droga, hekk kif total ta’ 119-il rapport jitressqu għand il-pulizija fl-2021 u 75 fl-2022. 

Statistika ġdida ppreżentata fuq il-mejda tal-Kamra din il-ġimgħa tat dawl fuq is-sitwazzjoni tad-droga speċjalment fil-Marsa, fil-Ħamrun u f’Ħal Qormi, it-tliet lokalitajiet bl-aktar rapporti. 

Il-Ministru għall-Affarijiet Interni Byron Camilleri, waqt li preżenta din l-istatistika qal li fl-2022, 18 il-każ mill-119 kienu fil-Marsa. 

Sena wara, mhux biss naqsu l-każijiet ġenerali, iżda naqsu b’mod notevoli l-każijiet fil-Marsa, bil-Ħamrun u Ħal Qormi jkollhom l-aktar każijiet, ħamsa kull wieħed. 

Mill-istatistika ħareġ ukoll li kien hemm numru kbir ta’ każijiet li ma ngħatawx lokalità. Fl-2021, 54 każ ma ngħatawx lokalità. L-istess għas-seba’ każijiet l-oħra fl-2022. 

Camilleri kien qiegħed iwieġeb sett ta’ mistoqsijiet magħmula mill-Kelliem Nazzjonalista għall-Affarijiet Interni Darren Carabott. 

Meta mistoqsi kemm minn dawn ir-rapporti ġew solvuti, Camilleri qal li l-pulizija tinvestiga kull rapport li tirċievi u tieħu azzjoni kriminali kontra l-persuni responsabbli.  

Huwa kompla jgħid li jkun hemm drabi fejn l-informazzjoni tkun negattiva jew skorretta u ma jirriżulta xejn, u oħrajn fejn l-investigazzjoni dwarhom tkun għadha għaddejja.  

Minkejja dan, minn rapport annwali ppubblikat mill-Bord Konsultattiv Nazzjonali dwar l-użu u d-Dipendenza fuq id-Droga, irriżulta li fl-2022, tressqu 140 persuna l-Qorti b’rabta ma’ traffikar tad-drogi. 

Il-Ministru sostna li bosta mir-rapporti ta’ traffikar tad-droga huma bbażati u joriġinaw minn informazzjoni li tkun inġabret mit-taqsima ta’ kontra d-droga, liema każi huma distinti minn ċerti tipi ta’ reati, bħal serq jew frodi, fejn il-persuna li tagħmel ir-rapport tkun sfat vittma tal-istess reat.  

More in Politika