Beda minn daru iżda Glen Galea determinat li jżomm lil Malta pupilla

Magħruf l-aktar fin-naħat tas-Siġġiewi, fejn frekwentement issibu jnaddaf ma’ sħabu n-naħat ta’ Għar Lapsi, iżda din il-ġimgħa poġġa mal-ġurnalist Luigi Sghendo biex jispjega f'aktar dettall dak li jiltaqa’ miegħu. 

(Ritratt: 7R Lifestyle / Facebook)
(Ritratt: 7R Lifestyle / Facebook)

Glen Galea hu l-fondatur ta’ għaqda ambjentali bl-isem ta’ 7R Lifestyle. Mill-ftit li kellimtu mal-ewwel stajt nagħraf bil-passjoni tiegħu lejn Malta nadifa u sostenibbli. 

Ma bediex jorganizza clean-ups ilbieraħ, iżda kien inċident sfortunat illi laqqgħu ma’ aktar Maltin. 

Mingħajr ma nidħlu fid-dettalji tal-inċident, Glen qalli li minn Għar Lapsi ġieli neħħa mal-15-il borża kbira żibel. 

Mill-paġna tiegħu fuq Facebook, Glen jidher li ġieli ltaqa’ wkoll ma’ freezers, kutri, brikks, u anke pajpijiet tal-ħadid. 

“Meta jkun hemm rimi illegali ta’ kumpaniji kbar li ma jinġabarx, ir-rimi jispiċċa jinċentiva lil ħaddieħor biex ikompli jarmi fiż-żona” qalli Glen. 

Huwa semma każ fejn persuna qed tiġi mħarrka kuljum għal reati ambjentali iżda xorta qed tibqa’ tagħmel il-ħsara.  

“Dan l-infurzar? Li tħalli bniedem jikser il-liġi basta qed naqla’ l-flus minn fuqu?” staqsa Galea. 

Qalli li ġieli ssib kumpaniji kbar li jnaddfu warajhom, imma fil-verità hija xi ħaġa li tiġri “darba f’mitt qamar.” 

Staqsejtu jekk qattx ikkonfronta nies li jaqbad hu stess jarmu. Qalli li mhux l-ewwel darba, iżda dlonk issib min iwissi biex joqgħod attent. 

“Mhux l-ewwel darba li n-nies jibagħtuli u jgħiduli ... dak aħjar ma tkellmux għax tispiċċa ħażin miegħu ... Il-vendikazzjoni element ieħor li jbeżża’ lin-nies sentendi.” 

Glen akkuża “nies f’karigi għolja li jagħlqu għajnejhom” għal rimi illegali rampanti madwar il-pajjiż. 

Isemmi eżempju kif minkejja li l-liġi tgħid li t-triq quddiem barriera għandha dejjem tkun nadifa wara ġurnata xogħol jew il-gradi għandhom ikunu magħluqa u fi stat tajjeb, sfortunatament dawn ir-regoli ma jiġux segwiti u spiss rapporti jaqgħu fuq widnejn torox. 

Mistoqsi jekk jagħmilx rapporti, Glen qal li jagħmel mhux ħażin iżda jemmen li l-Gvern għandu jorganizza iktar ruħu. 

“Jekk għandek il-kunsill lokali, l-ERA, l-Awtorità tal-Ippjanar, Clean and Upkeep Malta, pulizija u oħrajn ... Kif tistenna li tinġabar informazzjoni fuq din it-tip ta’ kriminalità u minnha l-mudelli li jgħinuk tidentifika l-persuna li qed tikser il-liġi?” 

“Ir-rimi illegali qed isir minħabba ġestjoni ħażina mill-awtoritajiet,” kompla Glen, filwaqt li indika nuqqas fl-infurzar u l-kontabilità. B’disprezz għas-sorveljanza regolatorja prevalenti fost l-awtoritajiet, Glen qajjem ukoll tħassib dwar l-effiċjenza tal-miżuri biex jitrażżnu r-reati ambjentali. 

Irrikonoxxa li sar kambjament min-naħa tal-ERA fejn jidħlu rapporti. Spjega kif minkejja li jkun hemm interess mill-maġġoranza tal-ħaddiema li jkunu jridu ġustizzja, sfortunatament meta jitkellmu ma’ ta’ fuqhom, spiss isibu ħajt li jwaqqafhom milli jipproċedu reati kontra “ċerti persuni.” 

Filwaqt li rrifletta fuq il-ħtieġa urġenti ta’ azzjoni deċiżiva, Glen enfasizza li l-ġlieda kontra r-rimi illegali teħtieġ soluzzjoni multidimensjonali li tinkludi l-edukazzjoni, l-infurzar, u l-involviment tal-komunità.  

More in Politika