'Inwettqu bidliet bl-aktar mod ġust,' Abela jindirizza l-Parlament fuq Azzjoni dwar il-Klima

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif il-bidla fil-klima hija realtà u Malta, anki jekk ċkejkna trid tkun pro-attiva u l-politika ambjentali tagħha trid tkun mibnija fuq il-prevenzjoni

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern Laburista jrid iwettaq bidliet bl-aktar mod ġust biex Malta tipprogressa għal kwalità ta’ ħajja aħjar.

Abela kien qiegħed jindirizza l-parlament waqt id- diskussjoni tal-Abbozz ta’ Liġi fuq Azzjoni dwar il-Klima.

L-abbozz se jkun qed jara t-twaqqif ta’ Awtorità għat-Tibdil fil-Klima, li l-Prim Ministru fissirha bħala sinjal b’saħħtu ta’ Gvern magħqud u sħiħ għal azzjoni fuq il-bidla fil-klima. Hu saħaq li din l-Awtorità se jkollha ħidma komprensiva, b’viżjoni ħolistika u bi djalogu soċjali li jinvolvi lil kulħadd biex isseħħ il-bidla.

“Ilkoll irridu nemmnu fil-bidliet li hemm bżonn u nwettquhom. Jekk nintilfu fil-partiġġaniżmu nkunu qed nonqsu lill-ġenerazzjonijiet futuri għaliex ma niħdux fil-ħin dawk id-deċiżjonijiet meħtieġa”, qal il-Prim Ministru Robert Abela hu u jsostni li jekk ma nbiddlux, ibati kulħadd.

Innota kif il-bidla fil-klima hija realtà u pajjiżna, anki jekk ċkejken irid ikun pro-attiv u l-politika ambjentali tagħna trid tkun mibnija fuq il-prevenzjoni.

Abela rrimarka li t-twaqqif tal-Awtorità għat-Tibdil fil-Klima tibni fuq bidliet kbar oħra li qed jitwettqu fosthom; it-trasformazzjoni favur użu ta’ enerġija aktar nadifa, azzjonijiet li jnaqqsu l-impatt tat-turiżmu u l-ġarr tal-merkanzija bħall-proġett tax-shore-to-ship, il-proġetti tar-riċiklaġġ u biex mill-iskart noħorġu b’riżorsa u sors ta’ enerġija, id-direzzjoni favur investiment iktar aħdar bil-ħruġ tal-green bonds u l-implimentazzjoni tal-akbar proġetti ta’ spazji miftuħa.

Il-Prim Ministru fisser il-qalba ambjentali bħala l-akbar opportunità ekonomika tal-ġenerazzjoni tagħna. Qal li fuq kollox din il-qalba trid iżżomm fiċ-ċentru tagħha lill-familji.

“Il-Gvern qatt mhu se jitfa’ l-piż tal-bidliet fuq in-nies. Mhux ma niħdux deċiżjonijiet iebsin, dawk neħduhom kemm hemm bżonn iżda d-deċiżjonijiet ma jsirux eħfef billi l-piż jerfgħuh in-nies”, qal Abela.

Saħaq li Malta ma tistax toħloq sigurtà ambjentali jekk f’ħajjet in-nies ma tagħtix is-sigurtà ekonomika.

Il-Prim Ministru wissa wkoll kontra l- populiżmu, li fisser kif rah mill-Oppożizzjoni f’riformi li daħħal il-Gvern, bħal meta l-pajjiż ġie biex neħħa l- bejgħ ta’ prodotti magħmula mis-single-use plastic. Sostna li l-populiżmu ma jagħtikx is-soluzzjonijiet.

Abela appella għal sforz kollettiv u bidliet fil-mentalità għaliex tabilħaqq jemmen li l-bidliet meħuda b’deċiżjonijiet tajbin jistgħu jġibu ħolqien ta’ xogħol ġdid, effiċjenzi fir-riżorsi u aċċess għal swieq ġodda fost oħrajn. Dan sabiex inkomplu nassiguraw tkabbir ekonomiku u sostenn soċjali quddiem sfidi klimatiċi. Qal li fuq quddiem ta’ din il-bidla jrid ikun hemm it-tfal u żgħażagħ li għandu jkollhom sehem fid-deċiżjonijiet u huwa għalhekk li l-Gvern qed ikollu laqgħat magħhom fosthom fil-Youth Advisory Forum.

 

Il-Prim Ministru Robert Abela temm jgħid li Malta hi pajjiż li ma tibżax mill-bidla għax din kapaċi ndawruha f’opportunità ta’ suċċess. Saħaq li l-liġi mressqa mhix sempliċiment kitba fuq karta iżda impenn ta’ Gvern favur bidla soċjali u ekonomika li twassal għal prosperità ġdida.

More in Politika