Iż-żewġ uffiċjali li dehru qed imexxu l-operazzjoni sabiex jinġabar il-kelb Snoops, vittma ta’ sparatura, jinsabu mwaqqfa minn xogħolhom sakemm tkun konkluża investigazzjoni interna kontrihom.
“Dwar il-każ tal-kelb ferut li ntwera fuq il-mezzi soċjali, għaddejja investigazzjoni interna appuntata biex tistabbilixxi l-fatti fosthom jekk intużatx forza li setgħet kienet eċċessiva. Sadanittant, id-Direttorat ipprekluda liż-żewġ uffiċjali involuti fil-każ milli jagħmlu kull forma ta’ xogħol relatata mal-annimali” qal id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali.
L-aġenzija kienet qed twieġeb għall-mistoqsijiet tal-gazzetta ILLUM b’rabta ma’ filmati li ċċirkolaw fuq il-media soċjali ftit tal-jiem ilu. Ikkonfermat li qed tagħmel investigazzjonijiet interni, apparti dawk li diġà qed isiru mill-Kummissjoni tal-Benesseri tal-Annimali.
Snoops, kelb abjad b’marki suwed, kien instab ferut mimli ċomb, sparati minn arma tan-nar. Huwa kien it-tieni kelb li nstab f’din il-qagħda, f’inqas minn ħmistax-il ġurnata.
Il-filmat, li ġera fuq il-pjattaformi soċjali, juru żewġ uffiċjali tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali jużaw arblu tal-qbid fuq il-kelb ferut. Aktar tard jidher b’saqajh marbutin u għonqu mgħannaq b’ħabel.
B’risposta għaliex l-operazzjoni twettqet b’tali mod fuq kelb imweġġa’ u muġugħ, id-Direttorat spjega li l-uffiċjali kollha minn żmien għal żmien, jerġgħu jingħataw taħriġ skont kif mitlub minnhom fir-riforma tad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali.
L-ewwel kelb ferut, dam ġurnata biex inġabar
Sorsi qalu lill-gazzetta ILLUM li fil-każ tal-ewwel kelb, vittma wkoll ta’ sparatura, il-kelb dam iktar minn ġurnata biex inġabar.
Mistoqsija dwar dan, id-Direttorat qal li inizjalment daħal rapport fit-18 ta’ Jannar fuq kelb miżmum f’kundizzjonijiet ħżiena u li kien jinsab fi propjetà ta’ terzi.
“Dan il-każ ma kienx irrappurtat bħala każ ta’ salvataġġ ta’ annimal li hu ferut,” id-Direttorat qal.
Id-Direttorat spjega li Bobby imbagħad kien tneħħa mid-dar jum wara li saret l-ispezzjoni, filwaqt li l-investigazzjonijiet fuq il-każ għadhom għaddejjin ukoll.
‘Il-filmat juri biċ-ċar li l-uffiċjali m’għandhomx taħriġ’ – Alison Bezzina
Titkellem mal-ILLUM, il-Kummissarju tal-Benesseri tal-Annimali Alison Bezzina, qalet li “mill-filmat jidher biċ-ċar li l-uffiċjali għandhom nuqqas ta’ esperjenza u ta’ taħriġ.”
Meta mistoqsija dwar x’hemm bżonn isir biex każijiet bħal dawn ma jseħħux, jew tal-inqas jitnaqqsu, Bezzina sostniet li bħala Kummissarju ilha tagħfas fuq direttivi għal riżorsi umani aħjar fid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali.
Hija kompliet tispjega li qed tinvestiga l-każ sabiex tikseb aktar dettall tas-sitwazzjoni u għaliex l-operazzjoni tmexxiet b’tali mod.
Bezzina kompliet tgħid li dan il-filmat jixħet stampa kerha, u huwa għalhekk li ssir investigazzjoni sabiex tinftiehem aktar x’kienet is-sitwazzjoni waqt l-operazzjoni tas-salvataġġ u mid-dettalji tal-każ ikunu jistgħu jinħarġu l-konklużjonijiet neċessarji.