Taħwid fil-Qajjenza

Dalli tiddefendi d-deċiżjoni li l-Enemalta tat kunsens biex spekulatur japplika għal Planning Control Application 

Immarkata hija ż-żona inkwistjoni
Immarkata hija ż-żona inkwistjoni

Miriam Dalli, il-Ministru responsabbli mill-Enerġija u mill-Enemalta, iddefendiet id-deċiżjoni stramba tal-Enemalta li tagħti l-kunsens tagħha biex spekulatur jagħmel Planning Control Application għall-blokok ta’ appartamenti fil-Qajjenza. 

Dalli saħqet li hemm Planning Control Application, jiġifieri applikazzjoni li qed titlob lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tanalizza l-aħjar użu tas-sit u kif. 

“Sa issa, l-Enemalta illimitat ruħha li ma toġġezzjonax għall-analiżi ta’ x’jista’ u x’ma jistax isir fuq din l-art, bħala waħda mis-sidien. Dan il-pass ma jinfluwenza l-ebda mod it-titlu li l-Enemalta għandha fuq l-art. L-Enemalta ma bigħetx artijiet”. 

Meta mistoqsija għalfejn il-Gvern ma jinsistix sabiex l-art tinbidel f’żona ta’ użu soċjali bħal pereżempju park jew żona sportiva, Dalli stqarret li s-sit inkwistjoni li jinsab f’żona tal-iżvilupp, “hija art mittiefsa u li kienet tilqa’ fiha impjant tat-tankijiet tal-gass. Bħala art kummerċjali, din għandha valur finanzjarju ta’ investiment.” 

Hija qalet li l-Enemalta għandha medda ta’ art oħra fejn qed tikkunsidra proġett ta’ spazju miftuħ, filwaqt li fakkret il-proġett inovattiv tas-Siċċa – liema proġett se jkun qiegħed jittrasforma din iż-żona wara li jitneħħew it-tankijiet preżenti. 

Kumpanija privata tħares li tkompli tibni fil-post fejn kien ġerħa ambjentali 

Il-kumpanija privata Katari Developments Ltd ta’ Paul Attard ressqet l-applikazzjoni għall-iżvilupp ta’ erba’ blokok residenzjali fuq is-sit tal-eks impjant tal-mili tal-gass fil-Qajjenza.  

Il-faċilità tinsab dekummissjonata u darba kienet tintuża għall-ħażna tal-gass taż-żejt likwidat (LPG) li kien jikkonsisti f’20 tank ta’ ħażna.  

L-applikazzjoni tipprevedi numri ta’ erba’ blokok ta’ appartamenti residenzjali li jvarjaw fl-għoli u żewġ blokok oħra ta’ uffiċini ta’ erba’ sulari. Madankollu, il-maġġorparti tas-sit ta’ 23,906 metru kwadru huwa propjetà tal-Enemalta (13,561 metru kwadru) u tal-Gvern (3,408 metru kwadru). 

It-tankijiet tal-gass li kienu jinħażnu fil-faċilità kienu ġew żarmati wara li l-Enemalta stess ċediet is-settur tal-LPG.  

Attard kien qal li l-Enemalta ma biegħet l-ebda art u li llimitat ruħha biex tagħti kunsens lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tirrevedi l-applikazzjoni.  

Attard, li huwa wieħed mis-sidien tal-iżviluppaturi ta’ Fort Cambridge GAP Ltd, qal li hu mhux l-uniku sid tas-sit inkwistjoni imma ssottometta formoli li jindikaw li kien avża lis-sidien tal-art bl-intenzjoni tiegħu – dik li jiżviluppa blokok ta’ appartamenti.  

Fost is-sidien elenkati fid-dokument hemm l-Enemalta, il-Gvern u l-familja Mifsud.  

Id-dekummissjoni tal-impjant tal-gass fil-Qajjenza kien ġie approvat fl-2014 wara t-trasferiment tal-operat mill-Qajjenza għal faċilità ġdida taċ-ċilindri tal-LPG żviluppata minn Gasco Malta Limited f’Birżebbuġa. 

L-applikazzjoni tfittex bidla fil-pjan lokali, li bħalissa tillimita l-iżvilupp fiż-żona għall-blokok ta’ appartamenti tul ix-xatt.  

L-applikazzjoni tinkludi wkoll propjetà privata tal-familja Mifsud soġġetta għal sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-2021.  

Il-Qorti ordnat lill-Gvern biex jirritorna parti mill-art espropjata mis-sidien fi żmien tliet xhur fl-1984 taħt l-iskuża ta’ interess pubbliku jew iħallashom €500,000. 

Ir-residenti tal-Qajjenza leħħnu t-tħassib tagħhom u oġġezzjonaw għall-proġett u esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-impatt viżwali u anke l-impatt negattiv fuq il-karattru seren tar-raħal. Barra minn hekk, jibżgħu wkoll li jiżdied it-traffiku u jkun hemm pressjoni akbar fuq l-infrastruttura li mhux se tkun ta’ benefiċċju għall-komunità eżistenti. 

More in Politika