Dan huwa attakk inġust u sproporzjonat - Andy Ellul

Il-Gvern se jkun qed jagħti l-appoġġ lil membri ta’ Tribunal Industrijali billi jkopri l-ispejjeż għall-assistenza legali

F’konferenza tal-aħbarijiet is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul saħaq li l-Gvern se jkun qed jagħti l-appoġġ lil membri ta’ Tribunal Industrijali.

Ellul saħaq li l-Gvern qatt ma jista’ jaċċetta sitwazzjoni fejn membri li jservu lill-pajjiż jispiċċaw b’kawża personali kontrihom minħabba deċiżjoni li ħaddieħor ma jaqbilx magħha fuq il-mertu.

Ellul irrefera għal kawża li nfetħet mill-Union of Professional Educators (UPE) permezz tal-Avukati Jason Azzopardi u Therese Commodini Cachia fil-konfront tal-Avukat tal-Istat, id-Direttur Ġenerali għas-Servizzi Edukattivi, u d-Direttur tad-Dipartiment tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali. F’din il-kawża, qegħdin jiġu mfittxija wkoll b’mod personali ċ-Chairperson u żewġ membri li jpoġġu fuq l-istess Tribunal.

Ellul qal li l-Gvern se jappoġġja lit-tliet membri billi jkopri l-ispejjeż għall-assistenza legali ta’ dan l- “attakk inġust u sproporzjonat”. 

Ellul spjega kif ma ntalbitx rikuża taċ-Chairperson tat-Tribunal, li ġie riappuntat kemm-il darba taħt amministrazzjonijiet preċedenti u ilu 25 sena fil-kariga. Mentri fir-rigward tal-membri, Ellul temm jgħid li dawn jiġu nominati mill-korpi kostitwiti li jservu fuq l-MCESD u li waqt dawn il-proċeduri, l-ebda rappreżentant legali ma oġġezzjona għall-membri tat-Tribunal.

More in Politika