“L-abort huwa komuni. L-abort huwa normali” - Attivisti Pro Choice jinġabru fil-Belt Valletta

Din kienet bi preparazzjoni għalll-pro-choice rally li se tiġi organizzata fit-28 ta’ Settembru

Numru ta’ attivisti pro-choice inġabru fi Pjazza Tritoni bi preparazzjoni għall-pro-choice rally fejn fiha huma “xeħtu dawl fuq ir-realtà oppressiva li tiċċirkonda s-suġġett tal-abort f’Malta.”

Permezz ta’ kartelluni b’messaġġ qasir “Jien għamilt abort,” huma riedu juru kemm l-abort huwa komuni, allavolja illegali, hekk kif qalu “L-abort huwa komuni. L-abort huwa normali. Kulħadd iħobb lil xi ħadd li għamel abort.”

Il-pro-choice rally tiġi organizzata kull sena mill-koalizzjoni Voice for Choice fejn jitfakkar il-Jum Internazzjonali għal Abort Sikur fit-28 ta’ Settembru.

It-tema tal-avveniment din is-sena se tkun l-istigma li għadha tinħass mifruxa b’mod wiesa’ fis-soċjetà tagħna fejn jidħol l-abort.

Fl-istqarrija, huma qalu li f’Malta, mill-inqas persuna waħda kuljum tuża l-pilloli tal-abort (mifepristone u misoprostol), pilloli li huma medikalment sikuri, tant li huma mniżżla fil-lista ta’ mediċini essenzjali tal-WHO.
 
Huma komplew jgħidu li l-abort xorta waħda għadu kriminalizzat f’Malta u kull min jagħmel jew jgħin f’abort jista’ jaffaċċja sentenza massima ta’ 3 snin ħabs. Fakkru f’każ riċenti fejn mara ġiet imħarrka u mtella’ l-qorti talli għamlet abort wara li kienet ġiet irrappurtata lill-pulizija mis-sieħeb abbużiv tagħha, u hawnhekk saħqu li “L-Istat kien kompliċi fil-perpetwazzjoni taċ-ċiklu ta’ vjolenza.”

L-attivisti wissew li l-projbizzjoni tal-abort u l-kriminalizzazzjoni ta’ nisa u persuni tqal ma waqqfux, u qatt m’huma se jwaqqfu l-abort milli jkompli jsir, iżda minflok qed iservu biex joħolqu klima ta’ biża’, jipperpetwaw sentimenti ta’ ħtija u mistħija, u jsaħħu l-istigma u l-esklużjoni soċjali.

Waqt il-ġabra l-attivisti qalu li “persuni li għamlu abort m’għandhomx jiġu ġġudikati jew kriminalizzati. Ir-residenti kollha ta’ Malta jistħoqqilhom li jiġu ttrattati b’rispett. Għandu jkollna l-awtonomija li niddeċiedu x’inhu l-aħjar għalina, għal ġisimna, għal saħħitna, u għal ħajjitna.”  

“Aħna qegħdin hawn biex nuru solidarjetà ma’ dawk li ma jħossuhomx sikuri u komdi li jitkellmu pubblikament dwar l-esperjenzi tagħhom tal-abort,” qalu l-attivisti.

Finalment l-attivisti fakkru fir-rally li se ssir is-Sibt, 30 ta’ Settembru, fl-4pm mill-Pjazza ta’ Kastilja. Din ir-rally se tkun qed tappella sabiex l-abort jiġi dekriminalizzat, normalizzat, destigmatizzat, u jsir disponobbli u aċċessibbli lokalment.

L-14-il għaqda fil-Koalizzjoni Voice for Choice huma Academics for Choice, aditus foundation, Doctors for Choice, Grandparents for Choice, Integra Foundation, Lawyers for Choice, Malta Humanists Association, Men Against Violence, MGRM, Moviment Graffitti, Parents for Choice, Students for Choice, Women’s Rights Foundation, Young Progressive Beings

More in Politika