Il-Partit Nazzjonalista iressaq proposti biex jikkumbatti l-inflazzjoni u l-għoli tal-ħajja

“Il-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu ħajja aħjar f’pajjiżna,” jgħid Bernard Grech

Fi stqarrija fuq il-midja soċjali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech saħaq li l-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu ħajja aħjar. Dan b’referenza għall-istatistika li ħarġet il-Eurostat dwar l-għoli tal-ħajja f’Malta, li turi “piż ferm aktar gravi minn dak li qed jaffaċċjaw il-familji fil-pajjiżi l-oħra taż-Żona Ewro.”

Hu sostna li ‘din hija r-realtà li qed ikollu jaffaċċja ta’ kull xahar il-poplu Malti u Għawdxi, kaġun tan-nuqqasijiet tal-Gvern ta’ Robert Abela.”

“Għalkemm l-istatistika turi li matul ix-xahar ta’ Ġunju kien hemm tnaqqis fir-rata tal-inflazzjoni, il-prezzijiet f’pajjiżna xorta waħda għadhom ogħla mill-medja tal-pajjiżi taż-Żona Ewro,” saħaq Grech,

Hu ressaq numru ta’ proposti sabiex isir bdil fil-mudell ekonomiku tal-pajjiż, li bihom jemmen li din il-problema tiġi ndirizzata.

L-ewwel net, irid jara tisħiħ fis-setturi “li kien bena u ġab Gvern Nazzjonalista.” Irid ukoll li jinħoloq mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda li jimmiraw xogħolijiet ta’ kwalità u li jħallsu aktar lill-ħaddiema.

Apparti minn hekk, irid li l-COLA ma jkunx taxxabbli, kif ukoll li jiġu ntrodotti incentive fiskali ġodda sabiex jikkumbattu ż-żidiet tal-għoli tal-ħajja, kif ukoll oħrajn li jippremjaw attivitajiet ekonomiċi li ma jniġġsux.

Finalment, propona li jkun hemm Fond Nazzjonali b’baġit annwali sabiex tiġi appoġġjata l-industija tal-importazzjoni u l-esportazzjoni, sabiex b’hekk ipatti għall-impatt tal-għoli tal-ħajja.

More in Politika