Qal dan b’referenza għall-Avviż Legali li bih inħoloq iċ-Ċentru. Azzopardi tella’ ritratt tal-verżjoni bl-Ingliż tal-Avviż, fejn jgħid li dawn ir-regolamenti ġew fis-seħħ bis-saħħa tal-poteri mogħtija lill-Ministru skont artikolu 24 tal-Att dwar il-Wirt Kulturali. Dan l-artiklu, jgħid ġustament Azzopardi, jitkellem dwar stimi, u mhux dwar poteri tal-Ministru.
Madanakollu, li naqas milli jinnota Azzopardi hija li l-verżjoni Maltija tal-Avviż Legali tgħid ħaġa oħra. F’din hemm miktub li r-regolamenti ġew fis-seħħ permezz tal-poteri mogħtija lill-Ministru skont artikolu 24 tal-Att dwar l-Ilsien Malti, li jiġi Kapitlu 470 tal-liġijiet ta’ Malta. Dan l-artikolu jagħti l-poteri lill-Ministru sabiex, wara konsultazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, jagħmel regolamenti dwar funzjonijiet tal-Kunsill, fosthom li joħloq organi amministrattivi bħaċ-Ċentru għall-Ilsien Malti.
Hawnhekk, wieħed irid jinnota x’jgħid artikolu 74 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, fejn hu spjegat li f’każ ta’ kunflitt bejn il-verżjoni Maltija u dik Ingliża ta’ liġi, hija l-Maltija li tipprevali. Jiġifieri l-punt ta’ Azzopardi huwa invalidu, għalhiex qed jagħmel referenza għal liġi żballjata.
Dan ma jfissirx però li kull mistoqsija fuq il-ħatra ta’ Saliba waqgħet. Iċ-Chairperson tal-Kunsill Olvin Vella diġa kkummenta li ma kienx jaf bi pjaniet li jitwaqqaf iċ-Ċentru. Dan jindika li l-Kunsill ma ġiex ikkonsultat fuq id-deċiżjonijiet.
B’risposta għal din, il-Ministru Bonnici qal li l-Kunsill kien ilu jitlob sabiex jinħoloq dan iċ-Ċentru, u kellu numru ta’ laqgħat mal-Kunsill fuq dan ir-rigward.
Ghalkemm il-liġi tirrikjedi konsultazzjoni mal-Kunsill, mhix ċara kemm iridu jkunu dettaljati dawn il-konsultazzjonijiet.