'Gvern Nazzjonalista mhux se jippermetti li proġetti infrastrutturali jieħdu tul esaġerat' - Bernard Grech

Il-PN jgħid li d-dewmien hu kkawżat minn nuqqas ta' pjan u konsultazzjoni

Il-Partit Nazzjonalista kkommetta ruħu li ladarba jkun fil-Gvern mhuhiex se jaċċetta li proġetti infrastrutturali jieħdu ammont esaġerat ta’ ħin sabiex jitlestew.

Dan intqal b’referenza għall-proġett li għaddej fil-pjazza tal-Mosta.

“Malta u l-Maltin jixraqilhom aħjar,” qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech waqt żjara fil-lokalità.

Skont il-PN, kienu bosta s-sidien tal-ħwienet u residenti li esprimew ir-rabja tagħhom u lmentaw dwar id-diffikultajiet li qed isoffru kawża ta’ dan il-proġett “li ħadd ma jaf eżatt meta se jitlesta.”

Il-Partit żied jgħid li dan huwa kkaġunat minn nuqqas ta’ pjan u konsultazzjoni.

Grech saħaq li huwa d-dmir tal-Kunsilli Lokali li jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern sabiex proġetti ta’ dan it-tip “isiru bi ħsieb u b’konsultazzjoni. Nuqqas ta’ dan jirriżulta biss f’telf ta’ flus u problem għar-residenti, li jixraqilhom aħjar.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalita żar ukoll il-maħżen tal-Grupp Armar Marija Assunta, fejn jgħid li sema’ ilmenti dwar kif dan il-proġett ħalla mpatt fuq il-festa. Dan peress li ċertu toroq għadhom ma tlestewx, u kawża t’hekk ma setgħux jiżżejnu.

More in Politika