Il-Kummissarju għall-Istandards ma jsibx lil Clint Camilleri ħati ta’ ksur t’etika kif allega Cassola

Camilleri jilmenta kontra rapporti bla bazi, filwaqt li Cassola jisħaq li dan għalhiex il-Kummissarju m’għandux għarfien tekniku biżżejjed sabiex ikompli l-investigazzjoni

Il-Kummissarju għall-Istandards ma sabx bażi għall-allegazzjonijiet mressqa quddiemu minn Arnold Cassola fil-konfront tal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri lura fl-2021.

Cassola kien talab sabiex il-Ministru Camilleri jiġi investigat dwar dak li allega li kienu xogħolijiet li saru f’żona ta’ Natura 2000 f’Għawdex, mingħajr permess mill-Awtorità tal-Ippjanar. Hu allega li dawn ix-xogħolijiet saru sabiex jakkomodaw lil dawk li jipprovdu servizzi f’Kemmuna li kienu canvassers tal-istess Camilleri.

Il-Kummissarju għall-Istandards sab li l-Awtorità tal-Ippjanar kienet ħarġet permessi għal dawn ix-xogħolijiet, u hu m’għandux kompetu fuq il-ħidma tal-Awtorità. Madanakollu, żied li hija stramba li din is-sit ma kellhiex bżonn xogħolijiet qabel, għal mijiet ta’ snin.

Fuq il-midja soċjali, il-Ministru saħaq li dawn l-akkużi kienu “bla bażi,” waqt li afferma li l- Awtorità tal-Ippjanar kienet ħarġet il-permessi meħtieġa, u li dawn ma sarux biex jakkomodaw in-nies li allega Cassola.

Hu żied li, “huwa kruċjali li dan l-ufficċju ma jintużax b’mod inġust u abbużiv minn min qiegħed jimla lil dan l-uffiċċju b’gideb u b’rapporti bla ebda bażi.”

“Ma nistax nifhem kif min jilmenta, la hu obbligat iressaq provi, la jitla' jixhed biex jissostanzja l-akkużi u wisq aktar mhu obbligat iħallas l-ispejjeż tal-proċess jekk l-akkużi jinsabu inveritieri kif jiġri fil-Qorti. Qed nispiċċaw f'sitwazzjoni redikola ta' rapporti bl-addoċċ mingħajr ebda konsegwenza fuq min jilmenta b’mod frivolu jew bi skop politiku malinn.”

“Il-liġi għandha tkun ġusta ma' kulħadd,” temm jgħid.

 

Minn naħa l-oħra, Cassola nnota li l-Kummissarju għall-Istandards wera solidarjetà mar-rapport tal-Ombudsman, li kien ordna li x-xogħolijiet jieqfu immedjatament u li s-sit tirritorna għall-istat oriġinali, kif ukoll issuġġerixxa multi.

Fir-rapport tiegħu, l-Ombudsman kien sab li x-xogħolijiet ma kellhomx il-permessi neċessarji.

Skont Cassola, il-fatt li hemm kunflitt f’dak li qed tgħid l-Awtorità tal-Ippjanar u dak li qed jgħid l-Ombudsman tqiegħdu f’pożizzjoni diffiċli, peress li m’għandux l-għarfien tekniku biex ikompli bl-investigazzjoni.

More in Politika