Bil-filmat: Is-Sindku ta' Tas-Sliema u Eve Borg Bonello jilmentaw dwar l-iskart u l-ġrieden fit-toroq

Borg Bonello tgħid li din il-problema nuqqas ta' Miriam Dalli u tappellalha biex "tagħmel xogħolha"

F’filmat li tella’ fuq il-midja soċjali, is-Sindku ta’ Tas-Sliema John Pillow reġa ilmenta dwar il-munzelli ta’ żibel li qed jitħallew fuq il-bankini fil-lokalità.

Fil-filmat, wieħed jista’ jinnota ammont konsiderevoli ta’ boroż suwed u kaxxi tal-kartun mgħormija fuq xulxin fuq bankina.

B’referenza għal filmat simili li tella’ madwar ġimgħa ilu, fejn kien ġiegħel stabbiliment li għamel att simili jdaħħal kollox ġewwa, qal li din id-darba tneħħew l-indirizzi minn fuq il-kaxxa sabiex tkun aktar diffiċli li wieħed jinduna min ramihom.

Madanakollu, hu xorta waħda skopra min kien, u fil-filmat jidhru qed idaħħlu l-iskart lura f’garaxx.

Pillow saħaq li għalkemm il-ġurnata kienet il-Ħamis u b’hekk kienet il-ġurnata ta’ ġbir tal-iskart riċiklat, mhux se jaċċetta li l-iskart jintrema’ b’dak il-mod. “Setgħu jitqattgħu u jintefgħu ġo kaxxa waħda jew tnejn. Madanakollu l-bniedem, li kien Ġermaniż, ikkopera u se jġib kumpanija privata biex ineħħi kollox.”

Żied li, “mhux se naqta’ qalbi niġġieled kontra din il-problema li għandna ġewwa Tas-Sliema.”

 

Id-Deputat Parlamentari Nazzjonalista Eve Borg Bonello ukoll tellgħet filmat fuq il-midja soċjali fuq din il-problema, fejn ilmentat fuq l-istat sanitarju ta' żoni turistiċi bħal Tas-Sliema u San Ġiljan.

“Ġrieden u żibel, din hi r-realtà li qedd ngħixu fiha,” qalet, filwaqt li madwarha jidher imdawwar b’skart.

Hi attribbwixxiet din il-problema lejn il-Ministru Miriam Dalli. “Għadha kemm affaċċjat umiljazzjoni nazzjonali wara li l-problemi fid-distribuzzjoni tad-dawl ħallew ħafna familji mingħajr elettriku f’nofs mewġa ta’ sħana. Hija wkoll responsabbli għall-ġbir tal-iskart, sistema li ġiet riformata taħt it-tmexxija tagħha, u qiegħda tfalli.”

Waqt li fil-filmat jidhru numru ta’ ġrieden fost l-iskart, Borg Bonello tistaqsi x’qed tistenna Dalli biex tieħu azzjoni. “Hemm bżonn li nistennew epidemija jew infezzjoni pubblika? Bħal kif stennejna kriżi nazzjonali sabiex xi ħadd jinduna li hemm problemi fis-sistemi tal-elettriku?”

Temmet billi appellat lill-Ministru sabiex “tagħmel xogħolha”, “Għamel ix-xogħol li inti mħallsa għalih, li titħallas għalih mit-taxxi tagħna.”

More in Politika