Ir-rebħa fil-Ħondoq raġġ ta’ dawl għal dawk li qed jiġġieldu l-iżvilupp viċin darhom

Wara r-rebħa tas-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg f’saga ta’ 22 sena fejn huwa ġġieled kontra żvilupp massiċċ fil-bajja tal-Ħondoq, għaqdiet b’għanijiet simili qed iħarsu lejn din l-istorja bħala raġġ ta’ tama fil-ġlieda rispettiva tagħhom

“Hija prova ta' determinazzjoni u konferma li fejn hemm ir-rieda tajba, il-kwalità tal-ħajja tagħna u l-wirt ambjentali tagħna jistgħu jiġu salvati.” Din kienet ir-reazzjoni tal-Għaqda Residenti taż-Żurrieq għall-aħbar li l-pjanijiet għal żviluppi fil-Ħondoq f’Għawdex ġew riġettati għal darb’oħra, fl-istess ġimgħa li l-istess għaqda ġabret il-fondi neċessarji biex tkun tista’ tiftaħ il-kawża tagħha fil-Qorti kontra żvilupp fin-Nigret.  

Fil-fatt, l-aħħar jiem kienu raġġ ta’ tama għall-ambjentalisti li qed jiġġieldu kontra sfreġju ambjentali fil-lokalitajiet tagħhom, bl-akbar rebħa tkun dik tas-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg, u r-residenti tal-Qala u tal-madwar kollha. F’dak li qed jissejjaħ bħala t-tmiem ta’ saga ta’ 22 sena b’rabta mat-theddida tal-iżvilupp massiċċ li kien ġie propost fil-Ħondoq. 

L-iżviluppatur kien appella quddiem it-tribunal wara li l-applikazzjoni oriġinali ġiet miċħuda b’mod unanimu lura fl-2016. Dan kien abbażi tal-argument li ma kienx hemm smigħ xieraq peress li kellhom biss 15-il ġurnata sabiex jippreparaw għall-każ. Minkejja dan, l-appell quddiem it-Tribunal ġie miċħud fl-2022. 

Iż-żewġ partiti kbar kienu wrew id-diżapprovazzjoni tagħhom lejn dan il-proġett, bil-Prim Ministru Robert Abela jgħid li huwa kontra dan l-iżvilupp fil-Parlament fir-reazzjoni tiegħu għall-Baġit tal-2022. 

Fil-fatt, is-Sindku tal-Qala, Paul Buttigieg issa tefa’ l-ballun f’saqajn il-Prim Ministru u l-Gvern tiegħu, hekk kif wara r-rebħa fil-Qorti, appella sabiex l-art tiġi esproprijata sabiex tiġi klassifikata bħala art pubblika li tista’ ssir ukoll riserva naturali jew park nazzjonali. 

Intant, lura f’Malta l-Għaqda Residenti taż-Żurrieq esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għas-suċċess ta’ Buttigieg, “għax din ir-rebħa, li ġiet wara 22 sena sħaħ, hija prova ta' determinazzjoni u konferma li fejn hemm ir-rieda tajba, il-kwalità tal-ħajja tagħna u l-wirt ambjentali tagħna jistgħu jiġu salvati.” 

Fil-każ taż-Żrieraq, il-ġlieda tagħhom bdiet aktar kmieni din is-sena, hekk kif f’Ġunju li għadda, l-Awtorità għall-Ippjanar b’mod unanimu approvat l-ewwel pass għal żvilupp ta’ 11,590 metru kwadru fiż-żona tan-Nigret. 

L-arkitett wara dan l-iżvilupp huwa ħadd ħlief l-eks Ministru għall-Ippjanar George Pullicino, l-istess Ministru li kklassifika din iż-żona bħala waħda fejn jista’ jsir l-iżvilupp meta kien għadu fil-poter. 

Din it-theddida qajmet ir-rabja taż-Żrieraq tant li ġiet iffurmata l-għaqda biex ħadd ma jgħaddi minn fuq din il-lokalità b’mod faċli. Fil-fatt, ir-rabja taż-Żrieraq sarrfet sabiex issa din l-għaqda ġabret il-fondi neċessarji biex tkun tista’ tiġġieled dan l-iżvilupp b’mod legali. “Nirringrazzjaw lil dawk kollha li taw id-donazzjonijiet tagħhom, mhux biss għax ilħaqna l-mira tagħna iżda anke għax tawna l-entużjażmu li wrewna bosta nies kien ta' kuraġġ kbir għalina,” tennew b’sodisfazzjon ir-residenti. 

Apparti l-fatt li se tkun qed tinfetaħ kawża fil-Qorti fiż-żmien li ġej b’rabta ma’ dan l-iżvilupp, “L-Għaqda Residenti taż-Żurrieq se tibqa' attenta għal dak kollu li għaddej madwar iż-Żurrieq, u qed nistiednu l-parteċipazzjoni ta' residenti oħrajn li għandhom ir-raħal tagħna għal qalbhom.” 

More in Politika