Għaqdiet isejħu għar-revoka tal-istedina ta' Netta Barzilai għall-EuroPride

Huma sostnew li Barzilai 'tmur kontra l-valuri li tirrappreżenta l-pride'

Numru ta' għaqdiet Maltin bagħtu ittra lis-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg u lill-Allied Rainbow Communities - l-organizzaturi tal-Europride - biex jesprimu d-diżappunt u r-rabja tagħhom għall-istedina li saret lil Netta Barzilai biex tipparteċipa fil-kunċert tal-EuroPride. Dan għaliex l-istedina ta' Netta Barzilai "tmur kontra l-valuri li tirrappreżenta l-pride." 

L-organizzazzjonijiet ma jridux lil Netta Barzilai tiġi Malta għal din l-okkażjoni għax din hija kantanta sostenitriċi tal-istat t’Apartheid Iżraeljan. Barzilai regolarment ipparteċipat fl-isforzi tal-istat Iżraeljan biex jgħatti l-oppressjoni, il-qtil u t-tkeċċija sistematika tal-Palestinjani minn arthom, u biex ipinġi lilu nnifsu bħala stat “liberu” u “demoratiku” – sforzi ta’ pinkwashing.

L-organizzazzjonijiet tennew li l-fatt li Netta Barzilai inzertat ċittadina Iżraeljana mhijiex ir-raġuni għaliex ma kellhiex tiġi mistiedna għal dan il-kunċert. Qalu li ħadd m’għandu jiġi penalizzat għaliex huwa ċittadin ta’ xi pajjiż jew ieħor. Iżda Netta Barzilai ta’ spiss ħadet sehem f’inizjattivi organizzati mill-istat Iżraeljan barra mill-Iżrael, f’inizjattivi li jiċċeleberaw it-tkeċċija tal-Palestinjani minn arthom, u f’kunċerti tal-lemin estrem. Skontha, il-fama ħażina li għandu l-istat Iżraeljan fuq livell internazzjonali hija biss kwistjoni ta’ “bad PR” u mhux tal-politika qattiela tiegħu. 

"Mill-ħolqien tiegħu fl-1948, l-istat Iżraeljan għamel kull sforz sabiex ikeċċi lill-Palestinjani minn arthom. Il-Palestinjani ġew immassakrati bl-eluf u mwaddba barra minn djarhom. Huma raw l-għelieqi u l-ilma tagħhom misruqa, is-siġar taż-żebbuġ maħruqa, it-tortura fil-ħabsijiet Iżraeljani u l-ħruxija ma taqta’ xejn ta’ okkupazzjoni li tfittex li tumiljahom ma’ kull pass li jagħmlu," spjegaw il-firmatarji.

Huma komplew jgħidu li llum il-Palestinjani spiċċaw ristretti jgħixu f’inqas minn 20% tal-art li kienu jgħixu fiha – parti minnhom fl-istrixxa ta’ Gaża, li tiġi regolarment ibbumbardjata mill-armata Iżraeljana, u parti oħra fix-Xatt tal-Punent fejn insedjamenti (settlements) illegali Iżraeljani qegħdin jinxterdu b’rata mgħaġġla billi jitterrorizzaw l-irħula Palestinjani u jaħtfu bil-vjolenza l-artijiet tagħhom, qalu l-organizzazzjonijiet.

Barra minn hekk, komplew jgħidu, li l-istat Iżraeljan mhux l-ewwel darba li rrikatta persuni LGBTIQ+ Palestinjani li jikxifhom jekk ma jikkollaborawx miegħu u jipprovdulu informazzjoni dwar Palestinjani sħabhom.

L-Iżrael juża l-għodda kollha li għandu sabiex jifga lill-Palestinjani, inkluż għodod kulturali bħal Netta Barzilai li jaħslu l-immaġini mdemmija tiegħu fuq livell internazzjonali, komplew l-għaqdiet Il-firmatarji

Għaldaqstant huma jgħidu li Netta Barzilai hija waħda mill-persuni fil-mira tal-kampanja “Boycott, Divestment and Sanctions” imsejħa mis-soċjetà ċivili Palestinjana. Bl-istess mod kif fis-snin 90 ir-reġim t’Apartheid fl-Afrika t’Isfel ġie fi tmiemu wara bojkottaġġ u sanzjonijiet internazzjonali, is-soċjetà ċivili Palestinjana trid li d-dinja titfa’ pressjoni fuq l-istat t’Apartheid Iżraeljan permezz ta’ bojkottaġġ u sanzjonijiet kontra dawk kollha li b’xi mod jew ieħor huma kompliċi fl-azzjonijiet tiegħu.

L-organizzazzjoniet saħqu li l-istedina biex Netta Barzilai tipparteċipa fil-kunċert tal-EuroPride hawn Malta għandha tiġi revokata għaliex il-prinċipji tal-ugwaljanza u l-libertà mhumiex menu li tagħżel minnu dak li trid. Temmew jgħidu li hija kontradizzjoni kbira li manifestazzjoni bħall-Pride, li suppost tiċċelebra l-imħabba u l-ugwaljanza, "tilqa’ fi ħdanha personalitaijiet li huma kompliċi fir-razziżmu, fil-qtil u fit-tindif etniku tal-istat t’Apartheid Iżraeljan, temmew jgħidu."

L-għaqdiet firmatarji huma: Moviment Graffitti, Aditus, MGRM, il-President Emeitu Marie Louise Coleiro Preca u Żminijietna - Leħen ix-Xellug. 

More in Politika