Inkjesta Sofia: Il-ħaddiema qatt ma raw lil perit fuq is-sit u kienet tagħti struzzjonijiet fuq WhatsApp

Il-ħaddiema li kienu qed jaħdmu fuq is-sit ma kellhomx esperjenza dwar in-natura tax-xogħol li kienu qed jagħmlu fuq is-sit u kienu rreġistrati bħala mastrudaxxa

Hekk kif ġiet ippubblikata l-procès verbal dwar Inkjesta Maġisterjali  mmexxija mill-Maġistrat Inkwerenti Marse-Anne Farrugia dwar il-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia, insiru nafu illi l-Perit Adriana Zammit qatt ma ntlemħet mill-ħaddiema fuq is-sit ta' kostruzzjoni f'Kordin u kienet isserraħ fuq ritratti mibgħuta fuq Whatsapp biex tara li x-xogħol qiegħed isir. 

X'irriżulta minn din l-inkejsta? X'qal l-espert tekniku? U x'xehedu l-ħaddiema li wkoll kienu vittma tal-kollass? 

Ħaddiema bla esperjenza

L-espert tekniku maħtur mill-Qorti Alex Torpiano enfasizza fuq il-fatt illi l-ħaddiema mqabbda ma kellhomx biżżejjed sengħa u għarfien biex jagħmlu x-xogħol li kellhom jagħmlu. Il-ħaddiem Lulzim Carku xehed li kellu 20 sena esperjenza fil-kostruzzjoni u li kien għamel kors ta' taħriġ fl-Albanija, pajjiżu, iżda din kienet ibbażata aktar fuq xutter u "bricks" li skont l-espert dawn huma differenti minn ta' Malta. Huwa qal illi Malta għamel kors ta' nofs ta' nhar (mhux ċar jekk dan il-post kienx stabbiliment liċenzjat biex jagħti dan it-taħriġ jew li toħroġ liċenzji) u li kien aktar iffukat fuq armar għall-konkos. Carku xehed illi huwa bilkemm ħadem fuq ħitan u ma kienx jaħdem hemm kuljum. 

Min-naħa l-oħra Gentjan Carku xehed illi hu ma kellu ebda taħriġ fil-kostruzzjoni iżda ħadem fuq il-bini tal-ħitan tal-fabbrika ta' Kordin. Denis Carku wkoll xehed li ma kellux kwalifiki dwar il-kostruzzjoni u li ħadem fuq l-armar. Qabel il-kollass huwa kien ħadem fuq is-sit għal madwar erbat ijiem, u ma kinux konsekuttivi. 

Punt interessanti huwa illi fuq il-kotba ta' AllPlus Limited, dawn il-ħaddiema flimkien ma' Milomir u Marku Jovicevic kienu rreġistrati bħala mastrudaxxa. Torpiano rrimarka li, "l-istorja tal-impjieg tagħhom, anke wara l-kollass, minn AllPlus Limited għal MilMar Construction Limited, jkompli juri taħwdi u manovrar li żgur ma jassigurax d-dirttijiet tal-istess ħaddiema." 

Il-ħaddiema qalu wkoll illi dawn qatt ma raw lill-Perit Adriana Zammit fuq is-sit waqt li kienu jaħdmu u anqas u anqas qatt rċevew istruzzjonijiet mingħandha. Fil-fatt hija kienet tiddependi fuq Whatsapp tal-grupp biex tibgħat istruzzjonijiet u biex tirċievi ritratti sabiex tkun taf x'qed jiġri fuq is-sit. B'hekk ġie preżunt illi hi għamlet superviżjoni ibbażata fuq ritratti mibgħuta f'dan il-grupp. 

L-OHSA ma marritx fuq is-sit għaliex ma kinitx infurmata bil-proġett

Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA, dott Mark Gauci sostna wkoll illi s-sidien ma kinux awżaw lill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol kif suppost u għaldaqstant "il-proġett ma waqax taħt ir-radar tal-Awtorità." B'hekk ma kien hemm l-ebda spezzjoni mill-uffiċjali tal-awtorità, anke biex jaraw jekk is-sit kienx sigur għall-ħaddiema, jekk kienx hemm l-ilqugħ meħtieġ u jekk kellhomx ilbies protettiv fost oħrajn. 

Dan biex ma nsemmux li skont ir-ritratti eżebiti minn Schembri jew fil-fajl tal-Perit, elevati mill-Pulizija fit-28 ta' Marzu 2022, jew fil-mobajl ta' Sofia turi li l-ebda wieħed mill-ħaddiema qatt ma kien jilbes xi lbies protettiv. 

X’jgħidu l-konklużjonijiet?

  • Ir-raġunijiet prinċipali tal-kollass tal-bini kien proprju d-diżinn strutturali tal-binja u li għaldaqstant id-diżinn naqas li jikkonsidra kemm aspetti ta’ stabbilità ta’ ħitan - skont l-istandards applikabbli - kif ukoll ta’ reżiljenza jew irbit tal-istruttura għal kontra kolassi katastrofiċi f’każ ta’ inċident.
  • Ma jirriżultax li l-perit Adriana Zammit għamlet il-kalkoli neċessarji biex tassigura li d-diżinn u l-ispeċifiċi kienu jassiguraw l-istabbiltà tal-ħitan u tal-binja kollha.
  • Il-perit Adriana Zammit naqset ukoll milli tagħmel ispezzjoni tal-proċess ta’ kostruzzjoni, biex tkun ċerta li l-ħaddiema u min kien qiegħed imexxihom jifhmu l-importanza ta’ ċerti dettalji ta’ kostruzzjoni u biex tkun ċerta li d-diżinn tagħha kien qiegħed ikun segwit fis-sħiħ, biex anke forsi tinduna aħjar il-bżonn ta’ xi tibdiliet fil-konfigurazzjoni tal-binja li kienet iddiżinjat.
  • L-espert maħtur mill-Qorti qal illi n-nuqqas ta’ bennej bil-liċenzja, jew kwalunkwe kwalifika formali oħra, fuq is-sit ċertament ikkontribwiet għal sitwazzjoni li wasslet għall-kollass.
  • Ġie stabbilit illi John Muscat, li suppost kien il-bennej bil-liċenzja fuq is-sit, fil-verità ma ffirmax ‘l-Avviż ta’ Bidu’ biex jikkonferma li huwa kien se jieħu din ir-responsabbiltà. Skont l-investigazzjonijiet li saru permezz tal-Inkjesta u minn Joe Mallia (espert kalligrafu), il-firma ta’ Muscat kienet fil-fatt iffalsifikata minn Matthew Schembri, in-neputi ta’ Muscat. B’hekk l-esperti jgħid illi Schembri naqas billi iffalsifika l-firma tal-bennej.
  • Kemm Matthew Schembri kif ukoll Kurt Buhagiar naqsu milli jappuntaw bennej bil-liċenjza, jew persuni bi kwalifiċi tekniċi ekwivalenti biex imexxu x-xogħol fis-sit.
  • Schembri ma jirriżultax li kellu r-rekwiżiti tekniċi biex imexxi sit ta’ kostruzzjoni, “u li kien biss jagħmilha ta’ conduit biex l-istruzzjonijiet tal-perit jasslu fuq is-sit u biex jordna l-amterjali meħtieġa.” Jidher li lanqas hu ma kien ikun fuq is-sit ta’ spiss u fil-fatt xehed li kultant Jean Paul Sofia kien jibgħatlu ritratti biex jgħidlu fejn kien wasal ix-xogħol, minn Settembru tal-2022 ‘il quddiem. Dan ġie indikat fl-iskambji ta’ Whatsapp ta’ bejniethom, minkejja li hu ma kienx impjegat ma’ AllPlus Limited u lanqas ma’ MilMar Construction Limited. Fil-fatt fil-mobile ta’ Sofia instabu numru ta’ ritratti ta’ progress ta’ xogħol ikkomunikati ma’ Schembri.
  • Jean Paul Sofia kien impjegat ta’ WhiteFrost Co.Limited iżda mhux ċara x’kienet ir-relazzjoni bejn il-klijent tal-proġett AllPlus u WhiteFrost, ħlief li Schembri kien id-direttur u azzjonist tat-tnejn.  
  • Sofia żar is-sit darbtejn dakinhar tal-kollas, l-ewwel darba kien qiegħed isuq van ta’ WhiteFrost Co Limited u beda jġorr xi materjal lejn u lil hinn mis-sit. Min-naħa l-oħra t-tieni darba mar biex jara x-xogħol u jieħu xi ritratti, fil-fatt kienu biss ftit mumenti wara li ikkollassa l-bini.
  • Din l-inkjesta tqajjem il-punt illi minkejja li Sofia ma kienx wieħed mill-ħaddiema li kienu qed jaħdmu fuq is-sit seta’ jidħol u joħroġ mis-sit mingħajr kontroll jew awtorizazzjoni, mingħajr tagħmir protettiv personali.
  • Fir-rigward ta’ Milomir Jovicevic, bħala direttur ta’ MilMar Construction Limited, skont ix-xhieda ta’ Schembri u Buhagiar, naqas li jieħu kontroll efettiv tal-proġett ta’ kostruzzjoni u jipprovdi ħaddiema mħarrġa u tas-sengħa u għaldaqstant jġrorr responsabilità ta’ dak li ġara.
  • “L-impjieg ta’ ħaddiema li ma kellhomx esperjenza f’dan ix-xogħol huwa nuqqas kemm tal-kuntrattur li qabbadhom, kif ukoll tas-sistema, li waqt li tagħmel ħafna kontrolli fuq ħafna affarjiet, ma tagħmel l-ebda kontrolli fuq minjaħdem fuq siti ta’ kostruzzjoni li huma intrinsikament perikolużi.

L-aħħar ritratt li ttieħed minn Sofia tax-xogħlijiet, ftit qabel il-kollass
L-aħħar ritratt li ttieħed minn Sofia tax-xogħlijiet, ftit qabel il-kollass

More in Politika