'Il-velja ta’ Jean Paul Sofia wriet li r-rabja tan-nies tista’ verament twassal għal bidliet li hemm bżonn'
L-ILLUM tkellmet ma’ żewġ persuni li jsegwu b’mod kostanti żviluppi f’pajjiżna dwar is-sens ta’ rabja u għaqda li mliet Pjazza Kastilja waqt il-velja ta’ Jean Paul Sofia, fejn stqarru li dawn l-azzjonijiet ifakkru li l-poplu għandu aktar poter milli jaħseb biss jekk isemma’ leħnnu b’mod persistenti
minn Matthew Farrugia
Il-poplu Malti u Għawdxi huwa mxebba’ minn bosta oqsma fil-pajjiż, mill-mod ta’ kif l-ekonomija tiddependi fuq sfreġju ambjentali, għal rabja kbira u nuqqas ta’ fiduċja fiż-żewġ partiti l-kbar li ilhom jiddominaw ix-xena politika Maltija għal deċenji sħaħ. Dan kien is-sentiment ta’ wħud li tkellmu ma’ din il-gazzetta dwar is-sitwazzjoni preżenti fil-pajjiż, fejn fl-aħħar jiem seħħet velja b’rabta mal-każ ta’ Jean Paul Sofia li attendew għaliha nies minn kull sfera fis-soċjetà Maltija.
Huma kienu qed jirreaġixxu għax-xena li seħħet fi Pjazza Kastilja t-Tnejn filgħaxija, fejn wara saga sħiħa li ilha għaddejja xhur twal, il-Prim Ministru aċċetta li ssir inkjesta pubblika dwar il-każ ta’ Jean Paul Sofia wara żmien twil jopponi din l-idea. Huwa għamel dan biss ftit sigħat qabel il-velja pjanata mill-ġenituri taż-żgħażugħ li tilef ħajtu f’sit ta’ kostruzzjoni f’Diċembru li għadda, fejn bosta ngħaqdu b’xemgħa f’idejhom f’turija ta’ appoġġ lejn il-ġenituri.
Dan il-lejl kien ikkaratterizzat min-numru ta’ avvenimenti, fosthom meta l-qraba ta’ Miriam Pace, vittma oħra tal-kostruzzjoni li mietet mirduma f’darha stess, esprimew l-appoġġ tagħhom għall-familja ta’ Jean Paul Sofia, f’tifkira oħra ta’ settur li jibqa’ jżid mal-vittmi tiegħu. Fil-fatt, sa dakinhar stess, tilef ħajtu raġel li ftit jiem qabel kien waqa’ minn għoli f’sit ta’ kostruzzjoni fir-Rabat.
Xena oħra minn dak il-lejla kienet tinvolvi lill-Prim Ministru Robert Abela, li meta ħareġ mill-Uffiċċju tiegħu f’Kastilja ntlaqa’ minn folla rrabjata li bdiet tgħajjat “istħi jekk taf” u “purċinell.”
Kien proprju dan is-sens ta’ rabja li l-ILLUM staqsiet dwaru, hekk kif ġie spjegat li din ir-rabja ma ġietx minn skopijiet partiġġjani, iżda ilha tissawwar fis-soċjetà Maltija għal żmien twil. Din il-gazzetta tkellmet ma’ Dr Mario Thomas Vassallo, lettur fi ħdan l-Università ta’ Malta fejn jgħallem il-politika fost suġġetti oħra.
Kif wasalna s’hawn - Dr Mario Thomas Vassallo
Huwa stqarr li f’demokrazija jeżistu diversi “narrattivi” li jiddominaw il-konverżazzjonijiet dwar diversi oqsma. Innota kif jidher li l-poplu Malti u Għawdxi qata’ nifsu wara n-narrattiva tal-Gvern fuq numru ta’ suġġetti, fosthom il-każ ta’ Jean Paul Sofia. Dan hekk kif fakkar li l-Gvern, kif isir tipikament f’Malta, għandu l-istazzjon nazzjonali li jgħinu jmexxi n-narrattiva tiegħu, apparti l-istazzjon politiku tiegħu. Vassallo saħaq li l-partiti l-kbar, imma b’mod speċjali l-Gvern preżenti għandu saħħa kbira li tgħinu jwassal il-messaġġ tiegħu.
Min-naħa l-oħra, hemm l-Oppożizzjoni li minħabba li hija wkoll partit kbir, għandha wkoll ċertu saħħa biex twassal il-messaġġ tagħha minħabba li għandha l-istazzjon tat-televiżjoni u tar-radju. Dr Vassallo nnota li filwaqt li l-poplu huwa mxebba’ min-narrattiva tal-Gvern, in-narrattiva tal-Oppożizzjoni spiċċat “sfiduċjata” hekk kif numru ta’ episodji li ħonqu l-Partit Nazzjonalista fl-aħħar snin servew biex inaqqsu l-fiduċja f’dan il-partit.
Għalhekk, f’din is-sitwazzjoni, Vassallo spjega li waqt li ż-żewġ partiti qed jitilfu aktar fiduċja, qed jinħoloq vojt, hekk kif bl-oppost ta’ dak li kien isir fi żminijiet oħra, l-elettorat m’huwiex inaqqas il-fiduċja f’partit biex jafda lill-partit l-ieħor. Dan wassal għal dak li seħħ fl-aħħar elezzjoni ġenerali, fejn numru rekord ta’ votanti astjenew milli jivvutaw, filwaqt li anke skont sondaġġi wara l-elezzjoni jkomplu juru li l-ammont ta’ persuni li ma jridux jafu b’ebda partit politiku kbir huwa wieħed sinifikanti.
F’dan il-vojt, jispjega Vassallo, “tiddomina s-soċjetà ċivili,” hekk kif innota li anke f’dak li rajna fil-protesta nazzjonali ‘Xebbajtuna’ għaqdiet bħall-Moviment Graffitti immobilizza lil bosta nies differenti, filwaqt li għaqdiet mhux governattivi tal-ambjent kollha ngħaqdu b’vuċi waħda, f’dak il-każ kontra l-isfreġju ambjentali.
“Issa qed naraw l-istess isir imma minn din il-familja ta’ Jean Paul Sofia,” stqarr Vassallo, li nnota kif il-każ ta’ dan iż-żagħżugħ huwa kemmxejn simili għall-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, li b’mod simili immobilizza numru kbir ta’ nies fi protesti u velji tul is-snin. Id-differenza bejn dawn iż-żewġ każijiet, hija l-fatt li Caruana Galizia kienet persuna li mhux kulħadd kien jaraha fl-istess dawl.
“Dan iż-żagħżugħ kien differenti għal kollox,” jgħid Vassallo, li ddiskrivih bħala żagħżugħ b’ħafna potenzjal u nnota li minħabba li kien għadu żgħir, ħafna aktar nies wrew empatija lejh. Dan wassal biex nies minn kull naħa fl-isfera politika jingħaqdu taħt sentiment wieħed, iżda meta mistoqsi dwar x’ifisser dan għall-istat ta’ Malta u l-futur tagħha, Dr Vassallo qal li, “huwa biss meta poplu jemmen li hemm alternattiva ta’ Gvern ieħor li ssir bidla.”
Huwa fakkar li meta fil-passat Gvern Nazzjonalista baqa’ jiġi elett minkejja rabja fost l-elettorat, is-sitwazzjoni f’pajjiżna baqgħet l-istess għal numru ta’ snin, sakemm il-Partit Laburista sab is-saħħa u tela’ hu fil-Gvern.
“In-nies għandhom is-saħħa jġibu l-bidla” - Andre Callus
B’sentiment simili, l-attivist fil-Moviment Graffitti Andre Callus stqarr li “in-nies xebgħu,” quddiem narrattiva dominanti li kienet ċentrali għal pajjiżna fl-aħħar snin. Stqarr li għal numru ta’ snin il-Gvern dejjem saħaq fuq l-importanza tal-ekonomija, u wera kif kien lest jissagrifika ħafna affarjiet.
Dan hekk kif Callus innota li “għandna ekonomija inġusta mibnija fuq traġedji bħal ta’ Jean Paul Sofia,” iżda nnota li apparti l-ħajjiet ta’ numru ta’ vittmi tas-settur tal-kostruzzjoni, ġie sagrifikat ukoll l-ambjent naturali u l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti. Minkejja s-sagrifiċju, spjega li din l-ekonomija hija waħda fejn mhux kulħadd huwa ugwali, hekk kif “filwaqt li hawn ġabra ta’ nies li ilhom jakkumulaw il-flus, il-poter u s-saħħa, il-bqija tan-nies iridu jgħixu fil-ħerba li qed iħallu dawn l-istess nies.”
Callus tkellem dwar kif għal numru ta’ snin, il-Moviment Graffitti dejjem emmen li minkejja s-sitwazzjoni esterna li jinsabu fiha n-nies, dawn xorta waħda għandhom il-poter. Fil-fatt, innota kif dan kien il-każ f’dak li seħħ fl-istess ġurnata tal-velja, hekk kif il-Prim Ministru ċeda għall-pressjoni li saret min-nies, iżda fuq kollox mill-ġenituri ta’ Sofia.
Huwa spjega li minn dak li raw fl-aħħar snin, apparti dan il-każ, il-Gvern idawwar ħarstu “biex ma jarax id-diżastru” li qed isir fis-settur tal-kostruzzjoni, hekk kif skont hu, minkejja r-rabja tan-nies ikunu jridu jaqdu lil xi wħud. “Ibidluha biss id-direzzjoni meta n-nies jirrabbjaw tant li jkollhom iħarsu lejhom bilfors u jħarsu lejn is-sitwazzjoni, u hekk ġara fil-każ ta’ Jean Paul.”
Callus għamel enfasi fuq ir-relazzjoni bejn il-Gvern u s-settur tal-kostruzzjoni, hekk kif spjega li “jekk il-Gvern vera se jagħmel kont tar-rabja li hawn fost in-nies, irid jagħmel politika li tmiss l-interessi ta’ dawk li tħanżru ħafna sa issa.”
Huwa nnota kif minkejja s-sitwazzjoni tal-pajjiż, huwa jinsab ottimist bil-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, hekk kif ikkuntrasta l-organizzazzjoni tal-poplu li rajna f’dan l-aħħar żmien mal-ftit organizzazzjoni li kien hemm snin ilu, meta d-diskussjonijiet fil-pajjiż kienu aktar iddominati mill-partiti politiċi.
Minkejja dan, huwa appella, “li ma jistax ikun nibqgħu niddependu li biex forsi jiċċaqlaq xi ħaġa jmutu n-nies,” hekk kif stqarr li hemm bżonn li s-soċjetà ċivili, l-għaqdiet u l-individwi li jridu l-bidla, ikomplu jimbuttaw u jaħdmu għall-bidla il-ħin kollu, mhux biss meta jkun hemm każ fil-midja li jqanqal rabja. Fakkar li ta’ kuljum, in-nies jaffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli minħabba l-egoiżmu ta’ wħud li mhux bilfors jidhru fil-gazzetti, u għalhekk qal li l-ħidma favur soċjetà aħjar hija waħda kostanti.