Illejla fil-Parlament ġie deċiż illi l-vot dwar il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni, biex issir inkjesta pubblika dwar il-mewta traġika ta' Jean Paul Sofia, ġie pospost għal nhar l-Erbgħa.
Din il-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni għamlet sitt talbiet ċari fosthom illi l-Prim Ministru jaħtar Bord ta’ Inkjesta u li jkun għal kollox indipendenti mill-Gvern, mill-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet kollha l-oħra. L-Oppożizzjoni talbet ukoll illi l-inkjesta ssir fil-pubbliku u għandha tiġi mxandra b'mod awdjoviżiv. Minkejja dan, il-Prim Ministru Robert Abela irribatta li l-Oppożizzjoni trid iddawwar din it-traġedja "f'tv show u f'ballun politiku."
Intant il-Gvern ressaq numru ta' emendi għal din il-mozzjoni li biddlu kważi għal kollox dak imressaq oriġinarjament min-naħa l-oħra tal-Kamra. Apparti li l-Kamra ttenni d-dispjaċir u sogħba tagħha għall-mewt traġika taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia, b’konsegwenza tat-tiġrif tal-binja li fiha kienu qegħdin isiru xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, ikkundannat ukoll kull tip ta' kummenti mhux xierqa li ntqalu jew dehru online fil-konfront tal-familja ta’ Jean Paul Sofia.
Fost oħrajn, il-Gvern ħeġġeġ lill-awtoritajiet investigattivi biex sa fejn huwa possibbli u legali jżommu lill-familja ta’ Jean Paul Sofia aġġornata bl-iżviluppi fl-investigazzjoni u biex il-kors tal-ġustizzja jimxi 'l quddiem, mingħajr dewmien. Dan filwaqt li talab ukoll biex kull min kien responsabbli għal dak li ġara u li seta' ikkontribwixxa għall-mewt ta' Sofia iwieġeb għal għemilu.
Intant fid-diskorsi tagħhom numru ta' deputati tal-Oppożizzjoni staqsew lil Prim Ministru lil min qiegħed jipproteġi u għaliex ma jridx illi ssir Inkjesta Pubblika, liema inkjesta fil-fehma tagħhom għandha ċans kbir illi tipprevjeni milli jkun hemm mewt ta' ħaddiem innoċenti ieħor. Għal dan il-Prim Ministru Abela qal li jiċħad kategorikament, "illi l-Gvern irid jipproteġi lil xi ħadd u jipprevjeni milli ssir ġustizzja.”
Il-Prim Ministru Abela sostna illi filwaqt li għandu fidi sħiħa fil-ġudikatura huwa ddispjaċut li kien hemm dewmien eċċessiv ta’ seba’ xhur. Qal illi filwaqt li ma għandu l-ebda intenzjoni li jinterferixxi, jappella biex l-Inkjesta Maġisterjali tkun konkluża mingħajr aktar dewmien jew saħansitra jkun hemm tragward għal meta din se tkun lesta. Abela tenna wkoll li Inkjesta magisterjali hija l-aqwa għodda li l-Istat għandu għad-dispożizzjoni tiegħu għat-tfittxija tal-verità f’każijiet bħal dawn.
Min-naħa tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal illi “Abela għajjarna partiġġjani. Jekk li tkun partiġġjan ifisser li tkun qalbek mal-familja u mal-vittma, mela kburi li jien partiġġjan.” Huwa indirizza lil Isabel Bonnici, li kienet preżenti għal din is-seduta Parlamentari u qalilha li ħadd fil-Parlament ma seta' jifhem minn xhiex kienet għaddejja hi bħala omm. Huwa ngħaqad mal-bqija tad-Deputati tal-Oppożizzjoni li faħħarha għar-reżiljenza tagħha fil-ġlieda u t-tfittxija għall-verità u wegħda li se jkompli jiġġieled għall-ġustizzja.
Fl-aħħar indirizz tiegħu lejn in-naħa l-oħra tal-Kamra, Grech qal illi meta jivvutaw kontra din il-mozzjoni, "mhux se tivvutaw kontra l-Oppożizzjoni iżda se tgħid le lil Jean Paul u lil Isabel