Ftit inqas min-nofs il-Maltin sodisfatti bl-istat tad-demokrazija f’pajjiżna

Stħarriġ li sar mill-Ewrobarometru sena qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew jagħti ħarsa lejn l-opinjonijiet tal-Maltin dwar diversi oqsma nazzjonali u anke fuq livell Ewropew. Fost l-oħrajn il-Maltin stqarru li l-Unjoni Ewropea mhix tagħmel biżejjed f’dak li għandu x’jaqsam mal-migrazzjoni u l-ażil, filwaqt li wrew sodisfazzjoni assolut rigward l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea lill-Ukrajna 

Kważi nofs il-Maltin m’humiex sodisfatti bid-demokrazija f’pajjiżna. Dan skont ċifri minn stħarriġ tal-Ewrobarometru li ta ħarsa lejn id-demokrazija fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fl-aħħar sena qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. 

Hawn, dawk li pparteċipaw fl-istħarriġ wieġbu numru ta’ mistoqsijiet fuq diversi oqsma tad-demokrazija Maltija u dik fl-Unjoni Ewropea. Meta mistoqsija fuq is-sodisfazzjon tagħhom bil-mod ta’ kif taħdem id-demokrazija f’pajjiżna, 35% wieġbu li m’humiex daqshekk sodisfatti bid-demokrazija f’pajjiżna, filwaqt li 14% oħra wieġbu li m’huma sodisfatti xejn bid-demokrazija.  

Dan ir-riżultat juri tnaqqis sinifikanti fil-livell ta’ sodisfazzjon b’rabta mad-demokrazija f’pajjiżna, hekk kif stħarriġ simili li staqsa l-istess mistoqsija sena ilu, kien juri li b’kollox kienu 27% tal-Maltin li m’humiex sodisfatti bid-demokrazija f’Malta. Issa, dan in-numru tela’ għal 49%. 

Ġie nnutat ukoll tnaqqis sinifikanti fl-ammont ta’ nies li jemmnu li pajjiżna miexi lejn id-direzzjoni t-tajba. Filwaqt li fl-2022 kienu 65% li jemmnu li Malta sejra fid-direzzjoni t-tajba, issa huma biss 36%, filwaqt li 42% qalu li pajjiżna miexi lejn id-direzzjoni l-ħażina. 

Il-Ewrobarometru jinnota li għall-Maltin il-ġlieda kontra l-korruzzjoni hija l-akbar problema fid-demokrazija Maltija, hekk kif 70% ta’ dawk li wieġbu qalu li m’humiex sodisfatti f’dan l-aspett. Apparti minn hekk, 66% stqarru li l-partiti politiċi mhux jikkunsidraw l-interessi tagħhom, hekk kif kienu biss 29% li qalu li l-partiti jikkunsidraw l-interessi tagħhom. Rigward il-ġlieda kontra l-misinformazzjoni fil-midja, huma 53% li m’humiex sodisfatti b’din il-ġlieda f’Malta. 

Apparti dawn iż-żewġ aspetti fid-demokrazija Maltija, il-maġġoranza tal-Maltin huma sodisfatti b’numru ta’ aspetti oħra. Fosthom, il-maġġoranza assoluta tal-Maltin jemmnu li l-elezzjonijiet f’pajjiżna jsiru b’mod ġust u liberu u jemmnu wkoll li l-politika hija aċċessibbli ħafna għal kulħadd. Rigward il-libertà tal-kelma, 64% tal-Maltin huma sodisfatti b’dan l-aspett tad-demokrazija lokali, filwaqt li 62% huma sodisfatti bl-istat tad-dritt f’Malta. 

Jidher ukoll li l-Maltin jitkellmu ferm fuq il-politika nazzjonali. Meta mistoqsija dwar jekk jitkellmux dwar il-politika mal-ħbieb u l-familja, 24% qalu li jitkellmu ħafna dwar dan is-suġġett, filwaqt li 57% qalu li jitkellmu dwar il-politika nazzjonali minn ħin għall-ieħor.  

75% tal-Maltin kuntenti bil-mod ta’ kif sejra ħajjithom  

L-istħarriġ mill-Ewrobarometru jistaqsi wkoll dwar suġġetti kurrenti li qed jagħmlu impatt fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies, fosthom l-inflazzjoni, li hija kawża ewlenija wara ż-żieda fil-prezzijiet li qed tinħass minn bosta Maltin u Għawdxin. Hawn, kienu biss 34% li qalu li huma sodisfatti bl-azzjonijiet tal-Gvern biex tiġi indirizzata l-isfida tal-għoli tal-ħajja, filwaqt li 64% qalu li m’humiex sodisfatti b’dak li qed jagħmel il-Gvern f’dan ir-rigward.  

Fost l-akbar azzjoni li ħa l-Gvern biex jindirizza ż-żieda fil-prezzijiet, hemm is-sussidju fuq l-enerġija, li jammonta għal kważi 10% tal-budget għal din is-sena, flimkien ma’ introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ COLA ġdid għal 37,000 familja vulnerabbli. Minkejja dan, l-inflazzjoni xorta waħda baqgħet taffettwa lill-konsumaturi u negozji Maltin u Għawdxin. 

Fi Frar li għadda, irriżulta li l-ikel kien fost l-aktar affarjiet li raw żieda fil-prezz tagħhom minħabba l-inflazzjoni, fejn fosthom, il-ħalib, il-bajd, iz-zokkor, iż-żjut tat-tisjir u l-butir kienu kollha soġġetti għal żidiet fil-prezz tagħhom. 

Fil-fatt, jidher li dan qed iħalli impatt kbir fuq il-Maltin u l-livell t’għajxien tagħhom, fejn kienu qed jirreferu għall-prodotti u servizzi li jaffordjaw jixtru. L-istħarriġ jindika li 62% qalu li l-livell t’għajxien tagħhom diġà naqas u jistennew li se jkompli jonqos tul is-sena d-dieħla, filwaqt li 21% qalu li ma ġewx affettwati, iżda jemmnu li se jonqos il-livell t’għajxien tagħhom tul l-istess perjodu. 

Fil-fatt, il-maġġoranza ta’ dawk kollha minn 15-il sena sa aktar minn 55 sena qalu li raw tnaqqis fil-livell t’għajxien u li jistennew li jkomplu jaraw tnaqqis tul is-sena d-dieħla. Minkejja dan, il-maġġoranza assoluta ta’ dawk li rrispondew, jiġifieri 73% qalu li fl-aħħar sena qatt jew kważi qatt ma kellhom problema biex iħallsu l-kontijiet tagħhom, filwaqt li 21% qalu li dan ġieli kien il-każ. 

Minkejja dan, il-Maltin jidru li huma sodisfatti b’ħajjithom b’mod ġenerali, hekk kif l-istħarriġ jindika li 75% tal-Maltin qalu li ħajjithom sejra fid-direzzjoni t-tajba, filwaqt li huma 5% li stqarru li ħajjithom sejra f’direzzjoni ħażina.  

Il-Malti kuntent illi l-Unjoni Ewropea qed tagħti l-appoġġ tagħha lill-Ukrajna 

L-Ewrobarometru staqsa wkoll lill-Maltin dwar il-preżenza tal-Unjoni Ewropea f’ħajjithom, u l-maġġoranza assoluta ta’ dawk li wieġbu, jiġifieri 87% stqarru li l-azzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għandhom impatt fuq ħajjithom. Dan ifisser li l-Maltin iħossuhom ħafna aktar affettwati mill-Unjoni Ewropea mill-medja ta’ persuni li jgħixu fl-Unjoni Ewropea, hekk kif kienu biss 71% ta’ persuni fl-Unjoni Ewropea li qalu li huma affettwati mid-deċiżjonijiet tagħha. 

Apparti minn hekk, jidher li nofs il-Maltin jemmnu li l-vuċi tagħhom tgħodd fl-Unjoni Ewropea, hekk kif 50% ta’ dawk li rrispondu stqarru dan. Min-naħa l-oħra, 54% qalu li leħinhom jgħodd f’Malta stess u 70% stqarru li l-vuċi ta’ Malta tgħodd fl-Unjoni Ewropea. 

Min-numru ta’ oqsma ta’ ħidma tal-Unjoni Ewropea li l-Maltin ġew mistoqsija dwarhom, jidher li l-maġġoranza tal-poplu Malti m’humiex sodisfatti bil-ħidma dwar il-migrazzjoni u l-ażil, hekk kif 64% qalu li m’humiex sodisfatti b’din il-ħidma. Ġie nnutat ukoll li l-patt ekoloġiku tal-Unjoni Ewropea, b’mod notevoli l-ħidma sabiex kull pajjiż inaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju, għandu reazzjonijiet imħalltin fost il-Maltin, hekk kif 47% tal-Maltin biss huma sodisfatti b’dan il-patt. 

Sorprendentement, bħala pajjiż newtrali skont il-kostituzzjoni tagħha, Malta tidher li tappoġġja b’mod b’saħħtu l-appoġġ lill-Ukrajna f’dan iż-żmien ta’ gwerra, hekk kif 76% tal-Maltin qalu li huma sodisfatti bl-appoġġ tal-Unjoni Ewropea lill-Ukrajna. Dan ifisser li pajjiżna huwa 7% aktar sodisfatt mill-medja Ewropea bl-appoġġ lill-Ukrajna. 

Minn Frar tal-2022, ix-xahar meta faqset il-gwerra fl-Ukrajna, l-Unjoni Ewropea ħarġet mal-10 pakketti ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja u tat biljuni kbar ta’ ewro bħala appoġġ lill-Ukrajna. Apparti minn hekk, għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, l-Unjoni Ewropea ssupplixxiet lill-Ukrajna b’varjetà ta’ armi, sabiex l-Ukrajna tkun tista’ tegħleb il-preżenza tal-militar Russu fi xtutha. 

Rigward l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea f’dak li għandu x’jaqsam mal-ekonomija, kienu 57% tal-Maltin li qalu li huma sodisfatti b’dawn l-azzjonijiet, li jinkludu l-irkupru ekonomiku u soċjali fiż-żmien ta’ wara l-pandemija u l-kunflitt fl-Ukrajna, li lkoll fissru problemi għall-ekonomiji madwar id-dinja.  

Il-mixja għall-elezzjonijiet tal-Unjoni Ewropea; Inqas minn 356 jum 

Dan l-istħarriġ mill-Ewrobarometru sar ukoll fil-kuntest tal-aħħar sena qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li se jsiru s-sena d-dieħla madwar l-Unjoni Ewropea. 

Hawn, il-Maltin ġew mistoqsija kemm jagħtu importanza għal dawn l-elezzjonijiet, fejn irriżulta li 48% jagħtu importanza għolja lill-elezzjonijiet Ewroparlamentari, liema numru huwa fuq l-istess livell tal-medja Ewropea. Dan b’kuntrast mal-importanza li tingħata mill-Maltin għall-elezzjonijiet Nazzjonali, hekk kif hawn, 71% qalu li jagħtu importanza għolja lil dawn l-elezzjonijiet. 

B’mod speċifiku, il-parteċipanti ġew mistoqsija wkoll dwar l-interess tagħhom għall-elezzjonijiet tas-sena d-dieħla, fejn 64% tal-Maltin qalu li huma interessati fl-elezzjoni li ġejja. Din ir-rata hija xorta waħda ogħla mill-medja Ewropea, hekk kif din hija biss ta’ 56%.  

Iċ-ċifri jkomplu jixhdu kif il-Maltin, bħall-maġġoranza taċ-ċittadini fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, jinteressahom inqas mill-politika tal-Unjoni Ewropea milli mill-politika nazzjonali. Dan hekk kif kienu 7% biss li stqarru li jitkellmu b’mod frekwenti dwar il-politika Ewropea, iżda 57% qalu li jiddiskutu dan is-suġġett minn żmien għall-ieħor.  

Ġie nnutat ukoll li l-politika fuq livell Ewropew ma tiġix segwita f’Malta daqs kemm tiġi segwita f’pajjiżi oħra. Dan hekk kif 51% tal-Maltin qalu li qatt jew rari jsegwu aħbarjiet relatati ma’ politika Ewropea, filwaqt li 56% tal-persuni fl-Unjoni Ewropea, qalu li jsegwu l-politika fuq il-livell Ewropew. 

Meta mistoqsija dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea, 75% tal-Maltin qalu li huma ottimisti għall-futur tal-proġett Ewropew, liema rata tiżboq sew lil dik tal-medja Ewropea, hekk kif kienu 64% tal-persuni Ewropej li qalu li huma ottomisti għall-futur tal-Unjoni. 

More in Politika