‘Minkejja li se tkun battalja qalila xorta se napellaw u nagħmlu milli nistgħu’

X’inhu l-iżvilupp propost tan-Nigret? Għaliex ġie approvat proġett li tant opponew residenti għalih? L-ILLUM titkellem ma’ resident iddiżappuntat u irrabjat, iżda li bħal bqija tal-komunità ta' Żrieraq, huwa mimli kuraġġ biex jiġġieled ir-regħba 

Il-ġlieda kontra l-iżviluppatur fiż-Żurrieq tibqa’ tippersisti, anzi kif jgħid il-Malti, il-kbir għadu ġej. Wara l-aħbar diżappuntanti – iżda mhux daqstant xokkanti – illi l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) approvat il-ftuħ ta’ 11,500 metru kwadru ta’ art agrikola fin-Nigret għall-iżvilupp, ir-residenti se jappellaw id-deċiżjoni tal-PA. U se jagħmlu dan b’passjoni u għaqda kbira.  

Resident irrabjat qal mal-ILLUM illi fil-ġimgħat ġejjin ir-residenti li ifformolizzaw għaqda skont ma jirrikjedu l-liġijiet dwar l-għaqdiet volontarji u l-appell se jitressaq fil-ġranet li ġejjin minħabba l-perjodu qasir li toffri l-liġi. Naturalment konxji mill-fatt li se tkun battalja qalila u li hemm applikazzjonijiet oħrajn fil-madwar, u se nagħmlu mill-aqwa li nistgħu sabiex niftħu l-assoċjazzjoni għall-parteċipazzjoni tar-residenti li għandhom għal qalbhom liż-Żurrieq, imma anki residenti minn irħula oħra li qed jaraw lil raħalhom jinqered għalxejn."

X’nafu fuq dan il-proġett?  

Din l-applikazzjoni tressqet minn Grand Property Holdings Ltd. Li l-perit tagħha huwa Ġorġ Pullicino, l-istess Pullicino li taħt it-tmexxija tiegħu bħala Ministru ressaq l-eżerċizzju tar-razzjonalizzazzjoni. Id-diretturi ta’ din il-kumpanija huma James Barbara u Jason Mifsud.  

Minkejja r-reżistenza qawwija ta’ ħafna attivisti kif ukoll permezz ta’ oġġezzjoni formali ppreżentata lill-Awtorità iffirmata minn 1,500 persuna, nhar it-Tlieta l-PA tat i-siġill tal-apporvazzjoni tagħha. 

Minkejja dan, ir-residenti ma kienu sorpriżi xejn b’din id-deċiżjoni hekk kif din “mhix l-ewwel deċiżjoni skandaluża li ttieħdet mill-awtorità u l-perit Pullicino, li jirrappreżenta lill-applikant talab deferiment fl-ewwel seduta biex jevita r-rabja tal-protesta.”  

Tajjeb li nsemmu wkoll li mhux wisq ‘il bogħod minn din iż-żona l-awtorità kienet diġà approvat żvillup simili ta’ 3,500 metru kwadru.  

Kien saħansitra l-Kunsill Lokali taż-Żurrieq li sostna illi t-telfa ta’ din l-art se tkun qed teqred l-identità tal-lokal u l-kuntest rurali taż-Żurrieq. Apparti l-viżwal, il-Kunsill Lokali qajjem il-punt li dan il-bini se jġib problemi oħra miegħu inkluż it-traffiku.  

‘Il-proċess huwa maħsub mhux biex ifalli, iżda biex jaqdi lil min ġej bil-flus’  

Ir-resident stqarr illi bħala komunità magħquda konra l-iżvilupp, ilkoll kienu preparati għad-deċiżjoni, “anke meta wieħed jara x’ġara u x’intqal fis-seduta – fosthom il-ħabi ta’ dokumenti suppost pubbliċi – jista’ jinnota kif il-proċess huwa maħsub mhux biex ifalli, iżda biex jaqdi lil min ġej bil-flus.”  

Kien għalhekk li l-Għaqda Residenti taż-Żurrieq bdiet b’kampanja ta’ ġbir ta’ fondi biex tkopri din il-kawża u fi ftit ġranet il-mira kważi intlaħqet kollha.  

Ir-resident qal lill-ILLUM li r-rabja tar-residenti jista’ jaraha kulħadd speċjalment fil-konfront tal-eks membri u membri parlamentari preżenti taż-żewġ naħat tal-Kamra “li jużaw liġijiet antiki bi 17-il sena bħala skuża.” Dan qalu b’referenza għall-fatt illi l-Partit Laburista fil-passat saħaq li jopponi li huwa kontra l-eżerċizzjoni ta’r-razzjonalizzazzjoni iżda qatt m’għamel reviżjoni ta’ dan il-pjan.  

“Ħafna nies jafu li mhux veru illi l-pjani lokali ma jistgħux jinbidlu, ħafna nies jafu li ma hemm ebda liġi dwar kumpens lis-sidien tal-art, iżda r-rappreżentanti tal-poplu qed jibqgħu jinsistu bil-miżinformazzjoni u l-ħabi. Kulħadd innota kif il-Membri Parlamentari, bis-skiet jew bil-kliem, iddefendew l-iżvilupp, u ħadd minnhom ma ħa pożizzjoni ċara kontra l-iżvilupp u wisq inqas favur ir-residenti,” qal ir-resident.  

‘Kieku l-liġijiet u l-istandards Ewropej jiġu infurzat f’Malta ma nkunux qed nitħaddu dwar każ bħan-Nigret’  

Il-Membru Ewro-Parlamentari Cyrus Engerer ukoll oppona dan il-proġett u insista li dak approvazzjoni bħal din ma tistax terġa’ isseħħ. Ġimgħa ilu Engerer ħabbar illi din il-ġimgħa fil-Kumitat tal-Ambjent ivvota għal-liġi li tirrestawra n-natura (nature restoration law), li tgħid it-tnaqqis ta’ spazji ħodor fl-urban irid jiġi mwaqqaf u l-ispazji naturali u ħodor iridu jiġu restawrati u miżjuda.  

Mistoqsija dwar din il-liġi r-resident saħaq li kemm hu kif ukoll residenti oħra ma jemmnux li dawn il-liġijiet se jħallu frott. “Kieku l-liġijiet u l-istandards Ewropej jiġu infurzati f’Malta, ma nkunux qed nitħaddtu dwar każ bħan-Nigret.”  

Dan filwaqt illi żied jgħid li sa llum, diġà saret ħafna ħsara f’pajjiżna, “aħseb u ara sal-2023.”  

‘Jew se niqfulom jew se nċedulhom’  

Fl-aħħar dan ir-resident stqarr illi din mhijiex ġlieda tan-Nigret biss u jekk niġu f’dan, lanqas taż-Żurrieq biss. Qal illi l-isfreġju li għaddej madwar Malta u Għawdex, żgur li jolqot lil kulħadd.  

“Jekk ma jasalx is-sinjal mingħandna r-residenti li xbajna bir-regħba, bil-bini u t-trabijiet u l-konġestjoni li ġġib magħha, mingħand min se jasal?” staqsa r-resident.  

Kompla jgħid li bħala residenti jemmnu li huwa d-dritt tagħna lkoll li niġġieldu għall-kwalità tal-ħajja u għall-ispazji miftuħin, “la darba minn wegħedhomlna qed jaħdem direttament kontrihom.”  

Temm jgħid mal-ILLUM billi stieden il-kollaborazzjoni ma-għaqdiet ta’ rħula oħra biex kulħadd jaħdem flimkien kontra għadu komuni. “Jew se niqfulhom jew se nċedulhom.”  

More in Politika