Malta hija waħda minn 18-il stat membru f'riskju li ma tilħaqx il-miri tal-2025

Minkejja dan ir-riskju, pajjiżna irreġistra titjib fl-immaniġġjar tal-iskart, b'żieda ta' 25% fl-iskart organiku li nġabar separatament

Ilbieraħ, il-Kummissjoni Ewropea ippubblikat rapport dwar il-prestazzjoni tal-immaniġġjar tal-iskart tal-pajjiżi tal-UE, b’data ibbażata qabel l-2020. Skont ir-rapport ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea, ibbażat fuq data tal-2020, Malta hija waħda minn 18-il stat membru f’riskju li ma tilħaqx il-miri tal-2025.

B’reazzjoni, il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża spjega li għalkemm Malta għad trid tirreġistra bidla sostanzjali fl-immaniġġjar tal-iskart, fl-aħħar sentejn pajjiżna rreġistra titjib sinjifikanti fil-proċess tal-immaniġġjar tal-iskart. Bidla li skont il-Ministeru hija inkoraġġanti biex jintlaħqu l-miri fit-tul.

Fost dawn ir-riżultati nsibu li, minn Jannar 2023, ġiet irreġistrata żieda konsistenti ta’ 25% fl-iskart organiku li nġabar separatament. Dan isegwi wkoll rekords ġodda reġistrati mill-WasteServ fl-2021 u l-2022, b’aktar minn 19,000 tunellata ta’ skart riċiklabbli esportati kull sena. Tali riżultati wasslu għal żieda sinjifikanti fil-persentaġġi fuq id-data użata mill-kummissjoni fir-rapport tagħha.

Dawn ix-xejriet pożittivi komplew jiġu sostnuti bl-introduzzjoni tal-iskema ta’ rifużjoni tad-depożiti (DRS), li permezz tagħha nġabru madwar 84 miljun kontenitur tax-xorb. Rappurtaġġ preliminari mill-iskema jindika rata ta’ ġbir ta’ aktar minn 70%. Tali figuri wkoll se jikkontribwixxu għal aktar żidiet fil-prestazzjoni ġenerali ta’ Malta. Il-ftuħ tar-Reuse Centres minn WasteServ madwar Malta u Għawdex matul is-sena li għaddiet ukoll irriżultaw f’ċifri pożittivi, fejn madwar 10,000 oġġett ma spiċċawx fil-miżbla imma jistgħu jerġgħu jintużaw minn sidien ġodda.

Intant biex l-UE tilħaq il-mira tar-rimi fil-miżbliet ta’ 10% biss sal-2035, huwa meħtieġ sforz kbir. Fil-każ ta’ Malta, il-faċilità tal-iskart għall-enerġija se tkun qed tiddevja 192,000 tunellata ta’ skart mhux riċiklabbli mill-miżbliet, filwaqt li l-impjant il-ġdid tal-ipproċessar organiku se jibdel 74,000 tunellata oħra f’kompost ta’ grad agrikolu. Madanakollu, l-infrastruttura waħidha mhix biżżejjed biex jintlaħqu dawn il-miri u jeħtieġ l-isforz ta’ kulħadd biex titwettaq il-bidla sinjifikanti fil-kultura dwar il-mod kif jiġi mmaniġġjat l-iskart.

“Il-gvern jirrikonoxxi r-rapport tal-kummissjoni u proprju għal din ir-raġuni, pajjiżna qed jinvesti man-nofs biljun ewro biex iwaqqaf l-infrastruttura tant meħtieġa għall-immaniġġjar tal-iskart u daħħal ukoll bidliet sinjifikanti fil-politika biex jistimula il-bidla drastika li hija meħtieġa,” spjega l-ministeru. Il-Ministeru saħaq li l-introduzzjoni tas-separazzjoni tal-iskart mandatorju, il-ġbir tal-iskart b’mod reġjonali, u kampanji edukattivi f’dawn l-aħħar xhur diġà ħallew effetti pożittivi u jkomplu jwittu t-triq lejn l-implimentazzjoni tal-ECOHIVE.

More in Politika