Yorgen Fenech ma jixhedx fil-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi

L-avukat Charles Mercieca insista li f’dan l-istadju u pendenti l-eżitu tal-proċeduri Kriminali kontrih, Fenech ma jixhedx

Yorgen Fenech ma jixhedx fil-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi (PAC), hekk kif skedat u mitlub mill-Kumitat innifsu. Din hija l-ewwel darba li Yorgen Fenech deher pubblikament lil hinn mill-Awla tal-Qorti u l-ewwel ċans tiegħu li fih seta' jitkellem pubblikament. Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black u d-Direttur tal-Kumpanija Electrogas u wkoll l-allegat mandat fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

L-avukati ta' Fenech, Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran insistew maċ-Chairman tal-PAC Darren Carrabott li x-xhieda tiġi sospiża sakemm il-proċeduri kriminali ta’ Fenech fil-Qorti jintemmu kif ukoll skont l-eżitu tal-istess proċeduri kriminali. Huwa ikkwota Standing Orders u tenna li Fenech jixhed la darba jintemmu l-proċeduri. "Fenech jinsab akkużat quddiem il-Qorti Kriminali fejn il-mottiv tal-qtil, skont il-prosekuzzjoni, huwa proprju l-materja li qed tiġi diskussa quddiem il-Kumitat," qal Mercieca. 

Preżenti għall-PAC illum, flimkien ma' Carabott, kien hemm id-Deputati Clayton Bartolo, Naomi Cachia, Glenn Bedingfield, Andy Ellul, Graham Bencini u Robert Cutajar. Preżenti wkoll kien hemm l-Awditur Ġenerali Charles Deguara.

Intant wara li Fenech u l-avukati tiegħu ħarġu mill-Kamra, Carabott qal illi "huwa eċċezzjonali" kif l-użu tat-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi qiegħed jiġi diskuss f'kawża Kriminali fil-Qorti u mhux fi stadju ta' Kumitat, kif isir f'pajjiżi oħra. Madankollu, filwaqt li Beddingfield qal li ma jixtieqx li jikkummenta għal dak li qal Carabott, Ellul sostna li huwa fi qbil tal-Kumitat innifsu li dan ma jinbidilx f'ballun politiku. 

More in Politika