Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne maħtur Preisdent tal-Assemblea Dinjija għas-Saħħa

Il-Ministru huwa l-ewwel Malti li qed jokkupa din il-kariġa prestiġjuża

Waqt il-ftuħ tas-sitta u sebgħin edizzjoni tal-Assemblea Dinijia għas-Saħħa, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ġie maħtur President tal-Assemblea. Dan sar permezz ta’ vot unanimu favur id-Deputat Prim Ministru mir-rappreżentanti tal-194 Membru Stat tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa (WHO), wara li Chris Fearne kien nominat għal din il-kariga tar-Reġjun Ewropew.

Id-Deputat Prim Ministru huwa l-ewwel Malti li qed jokkupa din il-kariga prestiġjuża, bl-ewwel dmir uffiċjali hu t-tmexxija ta’ din l-Assemblea annwali, li hija meqjusa bħala avveniment ewlieni għat-tmexxija tad-WHO, fejn il-Membri Stati jiddeterminaw il-prijoritajiet u l-politika tal-Organizazzjoni għas-sena li ġejja.

Fl-ewwel reazzjoni wara l-ħatra uffiċjali tiegħu, Chris Fearne sostna li matul it-terminu tiegħu, huwa se jiffoka fuq il-ħtieġa li l-mediċini ġodda jkunu aċċessibbli għall-popli kollha tad-dinja fl-istess ħin. “Qed naraw pajjiżi żgħar ikunu fi żvantaġġ meta jiġu għall-introduzzjoni ta’ dawn il-mediċini innovattivi fuq is-suq lokali. Għalhekk, Malta se tkun fuq ta’ quddiem biex tagħmel impatt fuq is-saħħa tal-popli kollha madwar id-dinja” tenna Fearne.

Huwa saħaq li din is-sena hija importanti għall-Għaqda Dinjija għas-Saħħa hekk kif jaħbat il-ħamsa u sebgħin sena mit-twaqqif tagħha. “Aktar mas-sitwazzjonijiet politiċi, ekonomiċi, soċjali u ambjentali madwar id-dinja qed jaggravaw, iktar qegħdin jaffettwaw is-servizzi tas-saħħa u s-saħħa tal-popli madwar id-Dinja u għalhekk l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa qed tkun iktar vokali u iżjed preżenti”, sostna Chris Fearne.

Huwa se jservi l-kariga ta’ President tal-World Health Assembly għal terminu ta’ sena, filwaqt li jkompli bil-ħidma tiegħu bħala Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa f’Malta.

Fil-marġini tal-Assemblea, qed isiru wkoll laqgħat bilaterali mad-Deputat Prim Ministru, bl-ewwel laqgħat kienu mad-Direttur Ġenerali tad-WHO, Dr Tedros Adhanom Ghebreyesus, u  mad-Deputat Ministru tal-Kummissjoni Nazzjonali għas-Saħħa għaċ-Ċina Dr Cao Xuetao.+

L-MUMN tifraħ lil Fearne

Intant il-Kunsill tal-MUMN jixtieq jifraħ lill-Ministru Fearne għall-ħatra tiegħu. Sostna li l-ħatra hija waħda ta' importanza sostazjali kemm għall-Ministru kif ukoll għall-pajjiżna. "L-MUMN tawgura kull suċċess lill-Onorevoli fearne f'din il-ħatra hekk importanti u fil-ħidma fejjieda tiegħu b'risq is-saħħa dinjija."

More in Politika