L-għaqda Repubblika bagħtet lura donazzjoni ta’ €1,500 ewro lill-persuna li tat din is-somma lill-għaqda bħala parti mill-proċess biex jakkwista ċ-ċittadinanza Maltija.
Dan wara li l-Ħadd li għadda, din il-gazzetta żvelat li Repubblika kienet fost dawk li fl-aħħar xhur ħadu d-donazzjonijiet mingħand persuni li kisbu ċ-ċittadinanza Maltija permezz tal-passaport tad-deheb.
Repubblika kienet stqarret li hija qatt ma kienet taf li rċeviet din id-donazzjoni qabel inħareġ l-artiklu minn din il-gazzetta.
Fi stqarrija l-Ġimgħa filgħodu, Repubblika ppubblikat ukoll email li bagħat il-President tal-għaqda Dr Robert Aquilina lill-applikant tal-iskema taċ-ċittadinanza li ta d-donazzjoni.
Fiha, huwa rrimarka kif Repubblika tilqa’ persuni li jsiru ċittadini Maltin, iżda ma jaqblux li dan jista’ jsir permezz tax-xiri taċ-ċittadinanza, u li l-akkwist taċ-ċittadinanza Maltija hija waħda aktar faċli għal dawk il-persuni li jaffordjaw jonfqu somom kbar ta’ flus.
Aquilina qal ukoll li din id-donazzjoni kienet l-unika waħda li li rċeviet l-għaqda Repubblika.
Filwaqt li rrimarka li l-għaqda tiddependi fuq donazzjonijiet finanzjarji mill-pubbliku, Aquilina stqarr li ma jistgħux jaċċettaw fondi minn din l-iskema, u b’hekk isiru kompliċi fi skema li ddeskriva bħala “inġusta u illegali”.