Mill-Kamra: Ħarsa lejn ir-riformi ġudizzjarji fil-ħatriet pubbliċi u l-effiċjenza fil-Qrati

Diskussi l-istat tal-Qrati Maltin u r-riformi li saru, u li għandhom isiru sabiex tissaħħaħ l-effiċjenza fil-Qrati u l-indipendenza tal-Korp tal-Pulizija

Għad fadal ħafna xi jsir f’dak li għandu x’jaqsam mar-riformi ġudizzjarji, sabiex il-ġustizzja f’Malta ssir waħda effiċċjenti u indipendenti mill-gvern.

Dan intqal waqt l-aħħar episodju ta’ Mill-Kamra ippreżentat mill-ġurnalist ta’ Maltatoday, Matthew Vella, fejn ġiet diskussa ż-żjara tal-Kummissarju Ewropew tal-Ġustizzja Didier Reynders fil-Kumitat għall-Affarjiet Barranin.

Hawn, Reynders kien għamel referenza, fost l-oħrajn, għall-fatt li sabiex is-saltna tad-dritt f’Malta tkun waħda aktar b’saħħitha, hemm bżonn li l-Korp tal-Pulizija jkun wieħed effettiv fil-qadi ta’ dmirijietu. 

Waqt il-programm Mill-Kamra, id-deputat Laburista, Edward Zammit Lewis semma dak li għamel gvern Laburista fl-aħħar snin f’dan ir-rigward, anke meta huwa stess kien Ministru għal-Ġustizzja, fost l-oħrajn riformi marbuta mal-ħatra ta’ uffiċċjali pubbliċi bħal m’huma Imħallfin, Maġistrati, u l-Kummissarju għall-Istandards tal-Ħajja Pubblika.

Min-naħa tiegħu, id-deputat Nazzjonalista u kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu, Mario de Marco stqarr li l-mod ta’ kif jinħatru ċertu persuni, fosthom il-Kummissarju tal-Pulizija huma f’idejn il-Prim Ministru, u b’hekk wieħed ma jkollux tort li jħares lejn il-Pulizija bħala estensjoni tal-gvern. Għalhekk, huwa qal li bħalma kien ippropona l-Partit Nazzjonalista, il-Kummissarju tal-Pulizija għandu jinħatar bl-istess mod li jinħatru l-Ġudikanti, li huwa permezz ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi fil-Parlament.

B’mod simili, de Marco nnota dak li kien ġara fil-każ tal-ħatra tat-tieni Kummissarju għall-Istandards tal-Ħajja Pubblika, fejn skontu, kellha tinbidel il-liġi sabiex il-persuna li għażel il-gvern ikun jista’ jokkupa din il-kariga.

Għal dan irribatta Edward Zammit Lewis, li nnota kif l-aqwa mod ta’ kif jinħattru persuni f’uffiċċji mportanti bħal dawn huwa b’kunsens miż-żewġ naħat tal-kamra, iżda stqarr li l-attitudni tal-Oppozizzjoni waqt il-proċess ta’ diskussjoni ma kienx jagħmel sens, u minħabba dan l-iżblokk ma setax ikun hemm ħatra b’kunsens.

Fuq nota simili, huwa esprima t-tħassib tiegħu li f’dak li ġara b’rabta mal-ħatra tal-Kummissarju għall-Istandards tal-Ħajja Pubblika, sabiex din is-sitwazzjoni ma’ terġax isseħħ meta jasal iż-żmien sabiex jinħatar il-President li jmiss, li se jkun l-ewwel President li se jinħatar b’maġġoranza ta’ żewġ terzi mill-Parlament.

Mario de Marco, bħal ma kien għamel fil-laqgħa mal-Kummissarju Ewropew Reynders, tkellem dwar is-sitwazzjoni eżistenti ta’ membri tal-Ġudikatura li jingħataw kariga f’inkjesti tal-gvern wara li jkunu rtiraw, u kif din il-kultura tista’ tinfluwenza d-deċiżjonijiet tagħhom waqt li jkunu għadhom membri tal-Ġudikatura.

Min-naħa tiegħu, Edward Zammit Lewis stqarr li f’pajjiż żgħir bħal m’huwa Malta, ma jkunx għaqli li wieħed jarmi r-riżorsi. 

Meta mistoqsi minn Matthew Vella dwar dak li qal il-Kummissarju Reynders dwar id-dewmien fil-proċess ġudizzjarju, Zammit Lewis stqarr li hija mentalitá żbaljata li għandha tinqata’, li d-dewmien fil-Qrati tista’ titranġa biss permezz ta’ bidliet fil-liġi. Huwa rrikonoxxa l-fatt li l-isfidi eżistenti huma frott ukoll in-nuqqas ta’ riżorsi fil-Qrati.

B’rabta ma’ dan, Mario de Marco nnota l-fatt li fil-Qrati Ċivili, l-effiċjenza żdiedet b’mod notevoli. Minkejja dan, huwa qal li dan sfortunatament m’huwiex il-każ għall-Qrati Kriminali, li huwa kkaratterizzat minn proċeduri li jdumu s-snin, u li joħolqu inkonvinjenti kbar, b’mod speċjali għall-vittmi tal-kriminalitá.

L-eżodu ta’ Keith Schembri mill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi

Fl-ewwel parti tal-programm ingħatat ħarsa lejn dak li ġara fil-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi fix-xhieda ta’ Keith Schembri. Hawn wieħed jista’ jara ftit bukkuni mill-ismiegħ ta’ din ix-xhieda.

More in Politika