It-tankijiet ta’ San Luċjan f’Birżebbuġa mistennija jitneħħew sal-aħħar tal-2024

Il-proġett ‘Is-Siċċa’ bejn il-Qajjenza u Marsaxlokk tħabbar f’Marzu tal-2022, jiem qabel ma saret l-Elezzjoni Ġenerali. Sena u xahrejn wara u t-tankijiet li kienu ippjanati li jitneħħew għadhom hemm. F’liem stadju wasal dan il-proġett? It-tankijiet għaliex għadhom ma tneħħewx? L-ILLUM tistaqsi

It-tankijiet fiż-żona ta’ bejn il-Qajjenza u Marsaxlokk, magħruf bħala ta’ San Luċjan, se jkunu qed jitneħħew sal-aħħar tal-2024. Hekk intqal mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża. Is-sena l-oħra l-Ministru Miriam Dalli ħabbret proġett ta’ €40 miljun, bl-isem ta’ Is-Siċċa, biex l-impjant ta’ San Luċjan, li kien jintuża għall-ħażna taż-żejt, jiġi riġenerat f’żona ta’ faċilitajiet ta’ rikreazzjoni għall-familji kollha u attrazzjoni ta’ investimenti f’niċċeċ ġodda.

Infakkru li f’Marzu tal-2021, ingħata bidu għall-proċess amministrattiv u regolatorju mal-awtoritajiet biex is-sit ma’ jibqax jintuża għall-ħażna tal-Heavy Fuel Oil u b’hekk is-sit ma baqax taħt id-direttiva ta’ Seveso u għaldaqstant mhux mequs bħala faċilità perikoluża.

Minkejja dan, għaddew 14-il xahar minn meta tħabbar dan il-proġett u t-tankijiet ta’ dan l-impjant għadhom hemm. Dakinhar il-Ministru Dalli qalet illi kienu qed isiru diskussjonijiet mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar method statementi biex b’hekk isir qbil ta’ kif se jkunu qed jiżżarmaw it-tankijiet u l-art tiġi ippreparata għal dan il-proġett.

Għaliex għadhom ma tneħħewx?

Il-Ministeru sostna illi t-twettiq tal-pjan ta’ dekummissjonar tal-impjant huwa fdat f’idejn il-kumpanija tal-Gvern, Petromal. Il-proċess jinkludi diversi fażijiet “li qed isiru b’kawtela biex ix-xogħol jitwettaq b’mod sigur u b’ħarsien sħiħ tal-ambjent u l-komunitajiet viċin.”

Qal ukoll li fl-ewwel stadju, din l-istess kumpanija lestiet il-pjan ta’ dekummissjonar b’konsultazzjoni mal-ERA. Wara sejħa għal offerti, għażlet ukoll il-kuntratturi għall-immaniġġjar u l-uffiċjal ta’ saħħa u sigurtà meħtieġa biex dawn it-tankijiet jitnaddfu u jiżżarmaw.

“Issa jmiss li jibdew l-istudji tekniċi u ambjentali tal-art fejn hemm is-sit biex isir magħruf x’tip ta’ dekontaminazzjoni tista’ tkun meħtieġa,” qal il-Ministeru. Spjega wkoll li fil-ġimgħat li ġejjin se toħroġ sejħa għall-offerti għal dawn l-istudji. Din is-sena wkoll se toħroġ is-sejħa għall-offerti għal fażi oħra, li tinvolvi t-tindif tat-tankijiet.

Eventwalment, skont l-eżitu tal-istudji tekniċi tal-art tas-sit, toħroġ l-aħħar sejħa għall-offerti biex jibda ż-żarmar tat-tankijiet infushom. “B’hekk, sakemm l-istudji li se jsiru fi żmien li ġej ma jindikawx il-bżonn ta’ xogħlijiet addizzjonali, Petromal mistennija tneħħi t-tankijiet sal-aħħar tal-2024,”żied il-Ministeru tal-Ambjent.

Għaldaqstant, l-aħħar pass minn din il-katina ta’ proċessi, la darba jitlestew l-istudji, il-konsultazzjonijiet u l-proċessi tal-ippjanar relatati, il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża jkun jista’ jibda l-iżvilupp tal-proġett ‘is-Siċċa’.

Intant fl-2022, il-Ministru Dalli saħqet li dan il-proġett mistenni li jsir fil-ħames snin li ġejjin. Meta mistoqsi minn din il-gazzetta x’inhu t-tragward ta’ dan il-proġett, ma ngħatat l-ebda risposta.

X’inhu l-proġett ‘Is-Siċċa’?

Is-Siċċa se joffri aktar minn 18,000 metru kwadru ta’ rikreazzjoni biex jingħata nifs ġdid lin-naħa ta’ isfel ta’ Malta, b’mod speċjai l-Qajjenza, Birżebbuġa u Marsaxlokk. Il-proġett se jkun qed iservi wkoll bħala hub uniku fiċ-ċentur tal-Mediterran għar-riċerka u innovazzjoni għall-industriji ġodda fosthom dawk tal-akwakultura, l-ekonomija blu u l-ekonomija ċirkolari. Apparti minn hekk huwa maħsub li joħloq mal-550 impjieg.

Dan il-proġett, la darba komplut, huwa mistenni li joffri spazji miftuħa għal startups b’diversi servizzi u riżorsi għal imprendituri fil-qasam tas-sostenibilità u l-innovazzjoni, incubation centres għall-industrija l-ħadra u spazji allokati għal faċilitajiet edukattivi. L-ispazju allokat għall-industrija u l-manufattura f’dan is-sit se jkun ta’ 7%. Min-naħa l-oħra, l-ispazju allokat għal użu rikreattiv u spazji pubbliċi huwa ta’ aktar minn 50%.

Il-Ministru Miriam Dalli kienet qalet li dan il-proġett mhux biss se jneħħi sit ta’ industrija li tniġġes, minn nofsinhar ta’ Malta, “iżda huwa proġett innovattiv li se jkun qed jilħaq il-miri tas-sostenibiltà u jħalli impatt pożittiv fuq is-soċjetà tal-madwar.”

Il-proġett ġie iddiżijnat mill-kumpanija Pininfarina b’diżinn innovatti li jikkumplimenta l-ambjent tal-madwar u już miżuri naturali għall-kundizzjoni ta’ klima aħjar fil-binja. Fil-fatt, il-proġett se jagħmel użu minn teknoloġija innovattiva sabiex tintlaħaq il-mira sa massimu ta’ 70% tal-użu tal-enerġija rinovabbli u sistemi ta’ enerġija effiċjenti.

More in Politika