Jinżel is-separju għal Cutajar... Mhux se titħalla tikkontesta fl-elezzjoni li jmiss

Abela sostna li d-deċiżjoni ta' lbieraħ tgħolli l-istandards tal-integrità li huma mistennija fil-ħajja pubblika

Id-Deputat Rosianne Cutajar mhux se titħalla toħroġ mal-Partit Laburista fl-elezzjoni li jmiss. Hekk qal il-Prim Ministru Robert Abela ilbieraħ filgħaxija fl-ewwel kummenti li ta wara l-aħbar li Cutajar irriżenjat mill-Grupp Parlamentari Laburista.

Meta mistoqsi dwar il-fehma tiegħu fuq il-pożizzjoni ta' Cutajar huwa qal li l-opinjonijiet tiegħu kienu riflessi fuq id-deċiżjoni li ħadet Cutajar. Qal ukoll li l-messaġġ tiegħu kien konsistenti fl-aħħar ġimgħatejn u jinsisti li l-messaġġi ġew ippubblikati b'mod kattiv u f'mument strateġiku, minkejja l-fatt li dawn kienu fil-pussess ta' Camilleri għal diversi xhur. 

Madankollu jirrimarka li d-deċiżjoni li ttieħdet ilbieraħ "turi u ttella' l-istandards tal-integrità li huma mistennija fil-ħajja pubblika." Abela żied jgħid li l-messaġġ tiegħu, waqt il-laqgħa tal-eżekuttiv, kien wieħed ta' dixxiplina u serjetà, "li hija mistennija minn kull min jiġi fdat mill-poplu tagħna." 

Intant infakkru li Cutajar, fl-aħħar elezzjoni ġiet eletta fl-elezzjoni każwali b'madwar 2,160 vot mal-ewwel għadd, numru li kiber sostanzjalment mill-elezzjoni tal-2017, dan hekk kif dakinhar hija ġiet eletta, bl-elezzjoni każwali wkoll, b'1,934 vot. Cutajar ikkontestat fiż-żewġ istanzi fis-sitt distrett, li minnu jagħmel parti Ħal Qormi, il-lokalità fejn Cutajar kisbet il-popolarità tagħha, anke għaliex kienet sindku. 

More in Politika