Jitressaq għat-tieni qari l-abbozz dwar ir-reġistru ta' persuni ħajta li wettqu vjolenza domestika

Dan ir-reġistru se jkollu fih il-persuni li nstabu ħatja biss u mhux li għandhom allegazzjonijiet jew kawżi pendenti fil-Qorti 

Il-Parlament ta’ Malta se jiftaħ id-dibattitu dwar l-abbozz ta’ liġi li se jkun qed jgħin persuni li jistgħu jkunu f’riskju ta’ vjolenza domestika u jagħti l-appoġġ meħtieġ biex ikisser iċ-ċirku ta’ vjolenza. Dan l-abbozz, ġaladarba jgħaddi mill-istadji parlamentari kollha, se jagħti l-possibbiltà li persuni li qegħdin f’relazzjoni intima jistgħu jagħmlu applikazzjoni mal-pulizija fi ħdan il-Victim Support Agency biex jiċċekkjaw jekk is-sieħeb/sieħba tagħhom instabu ħatja ta’ vjolenza domestika fil-passat.

Is-sistema se turi biss sentenzi ta’ vjolenza domestika fejn persuna tkun instabet ħatja u mhux allegazzjonijiet jew każijiet li għadhom pendenti quddiem il-qorti. Barra minn hekk, biex jiġi żgurat l-protezzjoni tad-data, il-Pulizija trid tivverifika d-dritt tal-applikant għall-informazzjoni billi tissodisfa kriterji speċifiċi. Fi żmien 10 ijiem se tkun qed tingħata risposta u jekk ikun meħtieġ, tinħareġ twissija tar-riskju ta’ vjolenza domestika, filwaqt li l-persuna f’riskju tingħata l-appoġġ meħtieġ. Meta tinħareġ twissija ta’ vjolenza domestika, il-Pulizija tikkomunika u tispjega r-raġuni għaliex jista’ jkun hemm riskju potenzjali ta’ vjolenza domestika. Professjonisti fi ħdan il-Victim Support Agency se jipprovdu informazzjoni dwar is-servizzi ta’ appoġġ disponibbli.

Din il-liġi hija wegħda elettorali li l-għan tagħha hu li jonqos ir-riskju ta' persuni li jisfaw vittmi ta' vjolenza. L-abbozz ta’ liġi propost huwa ħolqa minn diversi inizjattivi li l-gvern ħa matul dawn is-snin biex isaħħaħ il-ġlieda kontra din il-pjaga soċjali. Dawn jinkludu l-ħolqien ta’ taqsima speċjalizzata fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, għajnuna legali b’xejn għall-vittmi tal-vjolenza domestika, il-ħatra ta’ Kummissarju full-time fuq il-Vjolenza Domestika u Maġistrat iddedikat fuq każijiet ta’ vjolenza domestika.

More in Politika