Repubblika u PN jitolbu lill-Prim Ministru biex ikeċċi lil Rosianne Cutajar

Il-PN jgħid li jekk Abela jibqa' ma jkeċċix lil Cutajar jikkonferma li hu ikkontrollat mill-klikka u hu taħt rikatt 

Repubblika ingħaqdu mal-Partit Nazzjonalista fit-talba tagħhom biex Abela "ma jibqax ċass quddiem l-imġieba tad-Deputat Parlamentari Rosianne Cutajar," u jieħu passi kontriha. 

Fi stqarrija Repubblika saħqet li għalkemm diġà għaddiet ġimgħa minn meta Mark Camilleri ippubblika l-konverżazzjonijiet bejn Cutajar u Yorgen Fenech, il-persuna akkużata bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, il-Prim Ministru għadu ma ħa l-ebda azzjoni, "anzi qalilna li Cutajar diġà ħallset ta' għemilha." 

Intant il-PN, fi stqarrija qal "wara jiem sħaħ jiddefendi lil Rosianne Cutajar u dak li ġie żvelat minn chats mas-sid tal-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech, Robert Abela issa qed jilgħab bil-kliem billi jgħid li ħadd mhu akbar mill-pajjiż." Dan qalu b'reazzjoni għal dak li qal il-Prim Ministru ilbieraħ meta mistoqsi mill-ġurnalisti. 

F'dan id-diskors Abela saħaq li "ħadd ma hu ikbar mill-partit u mill-pajjiż. Fl-aħħar 10 snin, il-Gvern għamel ħafna ġid u ma nistgħux inħallu n-negattiv u l-ħażin jitfi t-tajjeb li sar." Qal ukoll li jinsab ċert li l-Membri Parlamentari jafu x'responsabilità għandhom lejn il-grupp Parlamentari Laburista, il-Partit u l-pajjiż b'mod ġenerali. 

Min-naħa tagħha Repubblika tqis li sitwazzjoni bħal din mhix aċċettabbli f'pajjiż demokratiku fejn kull min għandu s-setgħa jrid jagħti kont ta' għemilu. "Li rajna sa issa kien li l-Avukat Ġenerali u l-Pulizija bdew jieħdu passi kontra min kixef dan il-ħmieġ."

Intant il-Partit Nazzjonalista qal li jqis din l-istqarrija ta’ Robert Abela bħala każ ċar ta’ ftit ħafna u tard wisq u li "tikkonferma kemm Robert Abela hu dgħajjef quddiem Rosianne Cutajar."

Jgħid li jekk Abela verament jemmen li ħadd mhu akbar mill-pajjiż, mela għandu minnufih ikeċċi lil Rosianne Cutajar mill-Grupp Parlamentari tal-Labour. Għaldaqstant il-PN jgħid illi jekk ma jagħmilx hekk, Robert Abela ikun qed jikkonferma li hu taħt rikatt u "ikkontrollat mill-klikka li ilha għal dawn l-aħħar 10 snin titħanżer minn fuq pajjiżna." 

"Din hi l-istess klikka li matul l-aħħar 10 snin ħolqot kultura ta’ impunità, li wasslet għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u li issa qed tagħmel minn kollox biex titfa’ lill-ġurnalist Mark Camilleri l-ħabs talli, bil-provi, kixef il-verità dwar ir-rabta b’saħħitha li teżisti bejn Rosianne Cutajar u Yorgen Fenech," temm jgħid il-Partit Nazzjonalista. 

Fl-aħħar Repubblika qalet li Abela għandu:

  • "Jiddikjara li ma jaqbilx mal-imġieba ta' Cutajar; 
  • Jiddisassoċja ruħu u lill-partit tiegħu mill-imġieba tagħha; 
  • U jiżgura li jibdew u jsiru investigazzjonijiet bis-serjetà dwar dak li jpħriġ mill-iskambji li ppublika Mark Camilleri.

More in Politika