Il-Moviment Graffitti jisħaq li l-Korp tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali ttradew lill-poplu

Fi stqarrija iebsa l-Moviment Graffitti jgħid li ma hemmx tama għall-futur jekk il-politika ma titnaddafx mill-flus

Il-Moviment Graffitti fi stqarrija qal li jinsab ferm imħasseb dwar l-avvenimenti tal-aħħar ġranet, li sostna illi komplew juru s-sitwazzjoni prekarja li l-Gvern jinsab fiha. Il-Moviment sostna li l-Pulizija Maltija tradiet l-obbligu li għandha li taħdem għall-pubbliku. "In-nuqqas ta’ prosekuzzjonijiet tul l-aħħar snin minkejja l-ordnijiet li ngħataw mill-maġistrati u saħansitra minkejja l-evidenza li kellha f’idejha, turi li ma tistax tiġi fdata li ser isservi l-interess pubbliku," kompliet tisħaq l-istqarrija. 

"L-istess, għadna kif sirna nafu li l-Pulizija għadhom lanqas biss għamlu tfittxija tal-uffiċini tal-Enemalta dwar il-każ tal-windfarm fil-Montenegro, każ ieħor fejn il-pubbliku tilef il-miljuni." L-istqarrija tfakkar fid-dewmien f’numru ta’ każi bħal dawk riċenti ta’ Sion Grech u ta’ Bernice Cilia, li jisħqu illi huma biss qatra mill-ħafna inġustizzji li jseħħu minħabba teknikalitajiet u telf ta’ żmien li jistgħu jiġu evitati. "Huwa ċar daqs il-kristall li dawn l-istituzzjonijiet ġew maħtufa mill-Gvern u m’għandhomx l-interess tal-pubbliku. Jaqdu biss lill-Gvern, u jieħdu azzjoni biss meta jrid hu. M’għandna l-ebda fiduċja fit-tmexxija tal-Pulizija Maltija u tal-Uffiċċu tal-Avukat Ġenerali, li ilhom żmien li ttradew lill-poplu Malti," kompla jsostni l-Moviment Graffitti. 

"L-interazzjonijiet li ġew żvelati fil-logs ta’ bejn Yorgen Fenech u Rosianne Cutajar jikkonfermaw dak li ilna nafu – li hemm relazzjoni inċestuża bejn l-interessi politiċi u kummerċjali. Ir-relazzjoni bejn dawn it-tnejn, waqt li hija inaċċettabbli għall-aħħar u ma ħaqqhiex għajr kundanna, hija biss qatra f’oċejan," sostna l-Moviment Graffitti. L-istqarrija tgħid li dawn l-aħħar żviluppi jikkofermaw li hemm sezzjoni kbira tal-klassi politika li qiegħda fil-politika biss għall-interess personali tagħha, "biex titħanżer minn fuq dahar il-poplu."

Il-Moviment qal li jekk il-politika ma titnaddafx mill-flus ma hemmx tama ta' futur aħjar għal Malta. "Għalhekk l-azzjoni trid tmur lil hinn mit-tneħħijha ta’ ftit nies problematiċi."

Dwar l-Avukat Ġenerali l-Moviment Graffitti sostna li l-inkompetenza ta’ dan l-uffiċċju hija xhieda "mhux biss ta’ nuqqas ta’ kapaċità imma, iktar minn hekk, ta’ koperazzjoni illeċita u korrotta." Graffitti sostniet li dan huwa minħabba l-fatt li l-kriminali qed jitħallew jiġru barra u l-prosekuzzjoni titfixkel f’saqsajha."

More in Politika