Id-daqqa fis-sondaġġi: Sforz il-VGH? Għax dieħla l-arroganza? Iċ-ċiklu politiku? Jew daqqa ta' darba?

It-tnaqqis reġistrat fis-sondaġġ  ġie bħala xokk għal bosta fil-Partit Laburista. Iżda x'ġara eżatt? Il-poplu qed jirreaġixxi għall-Kuntratt tal-VGH? Qed jikbru l-irjus? Iċ-ċiklu politiku naturali ta' 10 snin? Jew daqqa momentarja u temporanja?  

Il-Ħadd ta' qabel kien ippubblikat sondaġġ fuq il-gazzetta MaltaToday li juri kif id-distakk bejn il-partiti prattikament inxtorob għall-inqas wieħed fi snin, b'differenza ta' 8,500 vot biss bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista. Bla dubju li dawn iċ-ċifri xxukkjaw mhux ftit lill-PL u għalkemm sondaġġ wieħed mhuwiex biżżejjed biex jindika xejra ġenerali huwa turija ċara li l-appoġġ lejn il-Gvern ħa daqqa konsiderevoli.  

F'dawn iż-żewġ paġni se nagħtu ħarsa lejn l-aspetti li probabbilment waslu għal dan it-tnaqqis straordinarju fl-appoġġ lejn il-Labour fi żmien daqstant qasir.  

Il-kwistjoni tal-VGH wara elenku ta' każi... Inqas tolleranza għal każi bħal dawn 

Il-kwistjoni tal-VGH għandha wċuħ differenti, uċuħ li bla dubju qed iwasslu biex jitnaqqar mill-appoġġ tal-Labour, kemm jekk huwa telf momentarju u anke jekk huwa telf permanenti.   

L-ewwelnett hemm dawk l-eluf li ilhom illi fehemu li dan il-każ huwa wieħed mill-aktar dubjużi, dannużi u li minnu l-poplu ma ħa assolutament xejn, apparti li ħareġ miljuni, kif wara kollox tikkonferma s-sentenza tal-Qorti. Dawn issa jħossu li l-opinjoni tagħhom u tal-Oppożizzjoni kienu vindikati. Dan wassal biex il-PN jerġa' jgħaqqad il-forzi tiegħu, bl-għeruq b'xi mod jew ieħor jsaħħu l-moral baxx ħafna li kellhom fl-aħħar snin. Dan ittrażmetta ruħu f'żieda pjuttost qawwija fl-appoġġ lejn il-Partit Nazzjonalista, speċjalment f'Għawdex fejn inċidentalment hemm wieħed mit-tliet sptarijiet mdaħħlin f'dan il-kuntratt, hekk imlaqqam mill-Qorti stess bħala frodi u serqa.  

Iżda l-VGH mhux illum smajna biha l-ewwel. Allura x'ġara issa li ma kienx qed jiġri qabel?  

Apparti l-fatt li issa kienet deċiżjoni tal-Qorti li kkonfermat li dan il-kuntratt ma kienx fl-interess tal-poplu, hemm sens fost is-settur ta' votanti aktar diżilluż u inqas leali lejn partit jew ieħor, li issa xebgħu jisimgħu dwar skandli, allegazzjonijiet ta' tixħim u korruzzjoni u forsi, anke jekk mhux qed iduru kollha lejn il-PN qed isiru dejjem inqas tolleranti lejn dawk il-każi u inqas tolleranti għall-argumenti li jipprovaw jiġġustifikaw kuntratt bħal dan, viċin ħafna dak li kienu bdew iħossu lejn Gvern Nazzjonalista fl-aħħar snin tiegħu.  

L-ewwel kien hemm il-kwistjoni tal-Panama, li forsi għalqu għajnejhom għaliha xi ftit għax kienet tant kmieni fl-ewwel leġiżlatura, imbagħad stejjer fuq stejjer dwar ir-rabtiet ta' dawn il-kumpaniji ma' 17 Black, imbagħad l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia u l-istejjer kollha li ħarġu dwar dan il-qtil, imbagħad il-kriżi politika li wasslet għar-riżenji tal-aktar persuni kruċjali fil-Gvern u issa din is-sentenza. Għalhekk bdiet dieħla ċerta sens ta' għejja issa, għejja li qed tinbidel f'rabja u sens ta' rassenjazzjoni li qed tkun ta' dannu għall-Gvern. Settur tal-poplu qed jixba' u jiddiżgusta ruħu jisma' b'dawn l-istejjer u aktar u aktar bl-insistenza ta' dawk msemmija li ma jiffaċċjawx il-ġustizzja, speċjalment Konrad Mizzi.  

Il-kuntest: Għoli tal-ħajja 

Pero' hemm ukoll imbagħad il-kuntest u allura ż-żmien l fih qed insiru nafu dawn id-dettalji dwar dan il-proġett. U l-kuntest huwa wiesa' ħafna.  

Huwa kuntest ta' poplu li qed iħallas aktar għall-aktar affarijiet essenzjali - speċjalment l-ikel - u f'realtajiet inflazzjonarji rekord li qed jgħafsu sew fuq il-bwiet tal-ħaddiema. Hija n-norma politika li kull meta l-għafsa finanzjarja tkun akbar, każi ta' korruzzjoni jdejqu aktar speċjalment meta l-Oppożizzjoni tirnexxi fl-attentat illi torbot l-flus li marru għall-korruzzjoni, frodi jew serq mal-bżonnijiet tan-nies fit-triq, speċjalment fil-qasam tas-saħħa. Anke jekk pajjiżna fil-verità reġa' qed jistejqer mill-pandemija u baqa' fil-wiċċ minkejja l-effetti tal-gwerra, xorta qegħdin ferm 'il bogħod mis-sentiment ekonomiku pożittiv ħafna li kien hawn fl-2019. 

Sondaġġ fuq din il-gazzetta stess, juri li persentaġġ qawwi ħafna ta' votanti (68.6%) qed jgħidu li l-għoli tal-ħajja qed tinkwetahom "ħafna." Huwa dan allura l-kuntest li wieħed irid jikkalkula dan is-sentiment negattiv lejn il-Gvern.  

Lilhinn minn aspetti ta' flus imbagħad, li deċiżjoni bħal dik li titratta l-VGH fil-Qrati - daqstant diretta u skjaċċanti twassal għal telf fl-appoġġ lejn il-Gvern, suppost hija minn ewl id-dinja u n-norma, kif suppost hija minn ewl id-dinja li każ bħal dan jagħti imbuttatura lill-Oppożizzjoni, li qed turi li ma hijiex beħsiebha tħalli xejn għax-xorti u se taċċerta li tibqa' tuża l-kuntratt tal-VGH biex timmobilizza lill-għeruq.  

'Arroganza' - Perċezzjoni jew realtà? 

Lura għall-2013 meta Gvern Nazzjonalista kien wasal lejn it-tmiem tiegħu l-aktar aġġettiv negattiv li kien jintuża fil-konfront tal-Gvern kien, "arroganti", 'il-poter tela' wisq għal rashom", "qed jaraw lil kulħadd dubbien."  

Issa din l-analiżi mhux se tassumi x'inhu perċezzjoni u x'inhi realtà imma qed tfakkar li fil-politika l-perċezzjoni tiswa' daqs realtà. Biżżejjed tara l-ħafna kummenti ta' attivisti Laburisti propju dwar dan is-sondaġġ. Din l-idea li l-partit qed jinjora jew inkella qed jitfa' fil-ġenb lill-aktar attvisti leali reġgħet qed terfa' rasha, kif kienet qabel l-aħħar elezzjoni bil-konsgwenza li l-PL kellu jitħabat aktar minn normal - jew għallinqas hekk deher - biex joħroġ il-vot.  

Ir-risposta tad-Deputati tal-Gvern fl-ewwel dibattitu li kien sar dwar dan il-kuntratt ma tantx kienet b'saħħitha u l-akkużi lejn dak li kien sar aktar minn 10 snin ilu, jaf jinżlu tajjeb ma' grupp ristrett ta' votanti, imma mhux se jimpressjona lill-massa ta' votanti li hija maqtugħa mil-lealtajiet partiġġjani. Għalkemm naturalment dik kienet ir-risposta tal-Gvern fl-immedjat - iffaċċjat bi ftit spazju fejn jimmanuvra -  ir-risposta fit-tul se tkun ħafna iktar importanti u kruċjali għal kemm dan il-każ se jkun dannuż fuq Gvern Laburista.  

10 snin: Ġeneralment tmiem ċiklu politiku 

F'Malta minkejja li Gvern ġieli jġebbed lilhinn minn 10 snin, is-sinjal dejjem juru li l-10 snin huma ċ-ċiklu normali ta' ħajja ta' Gvern, li jfisser illi Gvern Laburista diġà sfida dan iċ-ċiklu bil-kbir hekk kif sal-elezzjoni ġenerali li ġejja se jkun ilu 14-il sena fil-Gvern u dejjem b'maġġoranzi ta' aktar minn 33,000 vot distakk. L-ewwel opportunità li tista' tkisser dan iċ-ċirku ta' popolarità li issa ilu għaddej mill-2009 u allura diġà 14-il sena hija l-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2024.  

Il-Gvern ta' George Borg Olivier, li fl-1964 kien ġab l-Indipendenza għal pajjiżna, dam 10 snin fil-Gvern, mill-1961 sal-1971. Mintoff żamm il-maġġoranza tal-votanti warajh sal-1981, meta kien reġa' ġie elett biss fuq is-saħħa tan-numru ta' siġġijiet. Warajh fl-1987 tela' Gvern Nazzjonalista, li baqa' fil-Gvern sal-1996 - disa' snin. Gvern Laburista ta' Alfred Sant waqa' mill-Gvern wara sentejn u l-PN reġa' kien elett fl-1998. Issa f'dan il-każ il-PN baqa' fil-Gvern 15-il sena, iżda fir-realtà baqa' jżomm l-element ta' popolarità ftit inqas minn 10 snin, hekk kif rebaħ l-elezzjoni tal-2008 bl-iżgħar maġġoranza li qatt intrebħet elezzjoni (1,500 vot).  

Dan ifisser illi mill-Indipendenza lil hawn l-ebda partit ma żamm jew il-Gvern jew inkella l-popolarità wara l-10 sena tiegħu. 

U għalhekk dan jaħbat eżatt u preċiż mal-10 sena ta' Gvern Laburista, minkejja li fl-2020 saru tibdiliet konsiderevoli fi ħdanu, fosthom inbidel il-Mexxej Laburista stess.  

Wara l-10 sena ġeneralment għalhekk tibda dieħla ċerta sens ta' għejja, diżilużjoni u xeba' u tibda tikber dejjem aktar ix-xewqa għal bidla.  

Sondaġġ wieħed mhux biżżejjed biex jindika dan li semmejna, iżda jekk is-sondaġġi fix-xhur li ġejjin jikkonfermaw dan it-tnaqqis kbir tkun konferma li l-effett tal-10 snin fil-Gvern qed jerġa' jaħdem hawn.  

Jekk ma jirriżultax f'sondaġġi li ġejjin dan it-tnaqqis, ikun ifisser illi kien tnaqqis momentarju, marbut l-aktar mal-każ tal-VGH.  

Nistennew u naraw.  

More in Politika