'Ma kontx naf bit-tender. Kulma jitla’ quddiem il-bord huwa l-valutazzjoni'

Il-Kelliema tal-PN għall-Artijiet u d-Drittijiet tal-Konsumatur u membru tal-Bord tal-Gvernaturi fi ħdan il-Lands, Rebekah Borg, tinsisti illi ma kinitx konxja tal-eżistenza tat-tender biex jinbigħ is-sit magħruf bħala f’Tal Qortin meta ivvutat għall-valutazzjoni tiegħu. Min-naħa l-oħra targumenta illi tagħti sostenn lill-kollegi deputati tagħha illi qed jopponu dan il-proġett bil-qawwa... 

“Quddiemna kellna biss il-valutation analysis report u fih ma jkunx hemm miktub illi se joħroġ it-tender. Fil-fatt kienu l-kollegi tad-distretti tiegħi li imbgħad infurmawni li kien hemm tender.” Hekk qalet il-Kelliema għall-Artijiet u d-Drittijiet tal-Konsumatur u membru tal-Bord tal-Gvernaturi fi ħdan il-Lands, Rebekah Borg.  

Din il-gazzetta għandha l-informazzjoni illi l-Bord tal-Gvernaturi approva l-valutation analysis report illi ġie mressaq mill-Kumitat tal-Valutazzjoni. Dan ir-rapport sar fuq is-sit magħruf bħala Tal-Qortin fi Triq is-Sagħtar, Triq il-Miġbħa u Wesgħat in-Narċis, fil-limiti tal-Mellieħa. Dan is-sit għandu kobor ta’ ftit aktar minn 5,000 metru kwadru u huwa suġġett għal dak l-imsejjaħ ‘Right of First Refusal’ li jgħati d-dritt lill-persuni jew kumpaniji interessati li jixtru s-sit li jidħlu f’tranżazzjoni ta’ negozju qabel persuni oħra.  

Apparti minn hekk dan is-sit għandu fih tliet pjanti li jinsabu biss f’pajjiżna, tnejn minn dawn li huma speċi endemiċi u li għaldaqstant ifisser illi jikbru f’pajjiżna biss.  

L-ILLUM staqsiet lil Borg fuq dan it-tender u Borg ċaħdet illi hija kienet taf bih qabel ma ivvutat fuq ir-rapport ta’ valutazzjoni. “Kullma jitla’ quddiem dan il-bord huwa l-valutazzjoni,” tenniet Borg. Tajjeb li nirrimarkaw illi b’mod ġenerali, valutazzjoni issir meta se jinħareġ tender mil-Lands.  

‘Ħbewha minni kompletament’  

Hawn l-ILLUM twaqqafha u tistaqsiha illi jekk sit jew proprjetà issirilha l-valutazzjoni, dan ifisseri li hemm il-ħsieb illi dan jitpoġġa fuq is-suq u jinbigħ. Għal dan hija argumentat illi, “le mhux neċessarjament. Jien ma kont naf x’se jiġri bih is-sit.”  

Hija għamlet referenza ukoll għar-Right of First Refusal u qalet illi l-kwistjoni wara dan it-tender hija din il-klawżola. Tgħid ukoll illi lilha ma qaluliex biha u “ħbweha minni kompletament. Din ma titlax bord għaliex kull ma jitla’ huwa l-valutation analysis report.”  

Borg iċċarat ukoll illi anke f’każijiet oħra, dan il-bord ma jarax tenders quddiemu. Żiedet tgħid illi f’dan ir-rapport ma kienx hemm miktub jekk hux se joħroġ it-tender, meta se joħroġ u l-kundizzjonijiet ta’ kif se joħroġ bihom, “dawk l-affarjiet le, qatt ma nkun konxja tagħhom.”  

‘Jiena nagħti sostenn lill-kollegi tiegħi’  

Id-Deputat Ivan Castillo, eks kunsillier fil-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, huwa voċiferu ħafna dwar dan il-proġett. Huwa sostna illi “hija ipokrezija” illi dan il-proġett se jinbigħ meta l-Gvern irid jixtri artijiet oħra biex jikkonvertihom fi spazji ħodor għall-poplu Malti u Għawdxi.  

Huwa saħansitra għamel talba lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u l-Ombudsman tal-Ippjanar biex jiġi investigat dan l-istess tender bil-għan li jiġi determinat jekk din iż-żona tistax tiġi żviluppata. Huwa talab ukoll biex dan it-tender jiġi sospiż sakemm l-investigazzjonijiet ikunu konklużi.  

F’kumment li ta lill-gazzetta MaltaToday Castillo qal illi “ma tagħmilx sens li jinħareġ tender qabel ma jiġi assessjat il-valur ekoloġiku tiegħu mill-ERA. Kienet tagħmel ħafna aktar sens li kieku l-Lands ikkonsultat mal-ERA qabel ma ħarġet dan it-tender.”  

Intant dan l-ILLUM fakkret lil Borg dwar din l-oppożizzjoni u hawn Borg qalet,“nagħti l-appoġġ sħiħ lil Castillo fuq dak li qal dwar it-tender u l-proġett kollu kif sar sa issa. Iżda aħna bħala bord ma dħalniex fl-analiżi tal-proġett. Kull ma jiġi quddiemna hu kif inħadmet il-valutazzjoni mill-periti b’mod tekniku.” 

More in Politika