Analiżi | 10 snin tal-Labour: Minn tkabbir ekonomiku rekord u drittijiet ċivili għal-assassinju li ħammeġ isem pajjiżna

Għaddew 10 snin minn meta l-Partit Laburista ħa t-tmun tal-pajjiż f'idejh, b'rebħa sa dak iż-żmien rekord li rat jiem ta' ċelebrazzjonijiet, mass meetings u tpaqpiq. F'din l-analiżi se nagħtu ħarsa lejn diversi oqsma, kontroversji u anke avvenimenti li għamlu dawn l-10 snin taħlita ta' suċċessi, kontroversji, rebħiet kbar u kriżijiet, bidliet, riżenji u tiġdid... 

L-ekonomija: L-akbar saħħa tal-Gvern 

Tajjeb jew ħażin, taqbel jew le, ir-rittmu ekonomiku b'saħħtu ħafna li esperjenza il-pajjiż fis-snin ta' qabel il-pandemija, speċjalment fl-2019 kien mutur ewlieni li wassal sabiex il-Gvern Laburista jibqa' popolari ħafna.  

Ejja nħarsu lejn l-istampa sal-2019, biex nifhmu aħjar, għallinqas dak li qalulna ċ-ċifri li jitrattaw l-ekonomija, dak li kien qed jiġri qabel il-pandemija. 

Jekk inqabblu l-kejk ekonomiku tal-pajjiż bejn l-2013 u l-2019, skont ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika,  naraw illi l-ekonomija kibret doppjament, hekk kif filwaqt li fl-2013 l-ekonomija kienet qed tiġġenera €7.6 biljun f'ġid (Prodott Gross Domestiku), fl-2019 dan tela' għal €13.2 biljun. Li jfisser li l-ekonomija in ġenerali kibret b'€5.5 biljun.  

Jekk wieħed iħares lejn is-setturi ekonomiċi jara illi t-tkabbir kien f'kull settur għalkemm kien hemm tkabbir partikolarment qawwi ħafna f'uħud mis-setturi, fosthom f'dak li jitratta bejgħ bl-imnut (retail) u attivitajiet tal-ikel u akkomodazzjoni, fejn filwaqt li fl-2013 kienu qed jiġġeneraw €1.5 biljun f'ġid, fl-2019 din iċ-ċifra splodiet 'l fuq għal €2.4 biljun - jiġifieri żieda ta' kważi biljun ewro.  

Is-settur finanzjarju żdied b'€123 miljun f'dawn is-sitt snin għal total ta' €657.4 miljun, filwaqt li s-settur tal-informazzjoni u komunikazzjoni żdied bil-qawwi wkoll (+€418 miljun) għal total ta' €786.6 miljun. Il-kostruzzjoni ukoll rat żieda konsiderevoli għalkemm xorta - minkejja perċezzjoni li l-ekonomija qed iżżomm fuq il-kostruzzjoni -  iċ-ċifri juru illi fil-fatt dan huwa wieħed mill-inqas setturi li joħolqu ġid fl-ekonomija.  

Skont il-pjattaforma Statista, it-turiżmu f'Malta kiber ħafna wkoll b'1.46 miljun turist li ġew Malta fl-2013, liema ċifra imbagħad titla' għal 2.02 miljun turist fl-2019 - żieda ta' aktar minn nofs miljun turist.  

Il-konsum żdied bil-qawwi wkoll u mhux tal-Gvern biss, imma anke l-konsum privat - tal-familji - skont l-istess ċifri tal-NSO. Fil-fatt il-konsum tal-familji, u allura dak li nefqu fl-ekonomija, kien ta' kważi €3.9 biljun fl-2013, li tela' għal €4.8 biljun fl-2019, differenza ta' kważi biljun.  

L-esportazzjoni u anke l-importazzjoni żdiedu. Fil-fatt fl-2013 esportajna ftit aktar minn €11-il biljun, biex imbagħad fl-2019 Malta esportat b'valur ta' €15.3 biljun. L-importazzjoni wkoll żdiedet, minn €10.6 biljun fl-2013 għal €13.4 biljun fl-2019.  

Ix-xenarju tal-impjiegi wkoll kien wieħed pożittiv u kkaraterizzat minn livelli baxxi ħafna ta' qgħad. Skont rapport tal-istess NSO ir-rata ta' nies f'impjieg fl-2018 kienet ta' 71%, meta fl-2008 - 10 snin qabel - kienet ta' 56%. Bejn l-2008 u l-2018 ir-rata ta' nisa f'impjiegi żdiedet minn 61% għal 81%. Tajjeb infakkru li din iż-żieda tiġi fi żmien meta Gvern Laburista beda ċ-Childcare b'xejn, servizz li sa qabel beda jkun offrut mingħajr ħlas kien jiswa' l-eluf. Din il-miżura - li kienet tgħodd biss għal ġenturi li jaħdmu - tat l-inċentiv biex bosta nisa joħorġu jaħdmu u kienet mfaħħra minn bosta għaqdiet u mill-imsieħba soċjali. 

L-ekonomija għalhekk fl-ewwel snin ta' Gvern Laburista għaddiet minn boom qawwija li naturalment ma kellhiex impatt fuq il-bwiet ta' kulħadd, iżda żgur illi kellha effett fuq bosta ħaddiema u negozji, speċjalment dawk li b'xi mod jew ieħor huma marbutin mal-qasam tal-akkomodozzjoni, turiżmu u servizzi. Jekk hux tal-ħwienet, lukandi, tat-taxis, ristoranti, bars u mijiet ta' stabbilimenti oħrajn. L-istess ġara fil-qasam finanzjarju, li naturalment kellu impatt qawwi wkoll fuq is-settur tal-kiri.  

Fil-fatt is-settur tar-Real Estate kiber minn €379.8 miljun fl-2013 għal €551.6 miljun fl-2019. 

Is-settur tal-proprjetà kien ukoll imbuttat mill-qasam tal-buy-to-let, b'mijiet ta' familji jixtru proprjetà biex jikruha u allura jkollhom dħul addizzjonali.  

Fil-fatt is-settur tal-proprjetà kien l-aktar wieħed illi baqa' għaddej b'saħħa, minkejja l-pandemija. Statistika mill-ġdid tal-NSO turi illi fl-2020 saru 10,158 kuntratt għal xiri ta' proprjetà, liema numru żdied fl-2021 u reġa' fl-2022 meta kienu saru 13,079 kuntratt. Dawn huma s-snin tal-pandemija.  

U finalment, kif kienet is-sitwazzjoni tal-investiment f'pajjiżna sal-2019?  

Matul din is-sena kien hemm żieda ta' €3.3 biljun fl-investiment dirett barrani li kien sar f'Malta, bil-kontributuri kruċjali u ewlenin jkunu attivitajiet fl-oqsma finanzjarji u tal-assigurazzjoni. Dan minkejja li kien hemm tnaqqis f'dan l-investiment: Minn €4.3 biljun għal €2.8 biljun, bejn l-2015 u l-2019.  

Dawn iċ-ċifri u oħrajn jindikaw ekonomija fi stat tajjeb ħafna ta' saħħa. Ekonomija li ħolqot ix-xogħol - hux dejjem ta' kwalità jew le hija kwistjoni oħra - li dawwret ir-rota għal ħafna nies mhux biss għas-sinjur, imma li ovvjament in-negozji l-kbar gawdew mhux ħażin minnha u allura ekonomija li tat l-għodda biex il-Gvern iqassam il-flus u jżomm lill-poplu komdu jew kuntent.  

Il-lista ta' miżuri li ħa l-Gvern hija twila, imma fost l-aktar miżuri li niżlu tajjeb mal-poplu kienu: Qtugħ tat-taxxa tal-boll għal First u Second Time Buyers, twessigħ tal-Bands tat-Taxxa, miżuri relatati mal-proprjetà - bħall-għajnuna għal depożitu, żidiet fl-allowance għall-Carers, trasport pubbliku b'xejn għal kulħadd, għotjiet għal ġenituri, għajnuna finanzjarja għal koppji li jagħmlu l-IVF, iċ-ċekkijiet biex jilqgħu għall-għoli tal-ħajja, żieda tal-mediċini fil-Formolarju tal-Gvern, tneħħija ta' miżati marbutin mal-MATSEC, żidiet fil-pensjoni f'kull baġit u anke żieda fl-istipendju.  

Drittijiet LGBTIQ: Bidla kuturali u politika qawwija 

F'dawn l-10 snin Gvern Laburista għamel bidla qawwija u importanti ħafna, li anke ħafna mill-kritiċi tiegħu jammettu illi kien pass fid-direzzjoni t-tajba, anke jekk fil-fatt dawn il-bidliet sarrfu f'ħafna telf ta' voti għall-PN u gwadann ta' voti għall-PL.  

Qed nirreferu għall-introduzzjoni tal-Unjoni Ċivili għal koppji LGBTIQ, xi ħaġa li eluf laqgħu b'entużjażmu u ċelebrazzjonijiet kbar. Dan kien pass ma' bosta oħrajn li wasslu għal tibdiliet kbar u li l-poplu lanqas kien jimmaġina li jistgħu jseħħu, sa qabel l-2013, fosthom il-Liġi tal-Identità tal-Ġeneru, il-possibilità li koppja LGBTIQ tadotta, il-kriminalizzazzjoni tat-Terapija mill-aktar dannuża tal-Konverżjoni u finalment żwieġ ugwali għal kulħadd.  

Dawn il-bidliet ma kinux biss kruċjali biex l-ugwaljanza tkun aċċertata fil-liġi iżda wkoll wasslu għal bidla u aċċettazzjoni soċjali ħafna ikbar, biex Malta - minn pajjiż perċeput bħala wieħed konfessjonali u koservattiv - sar wieħed mill-aktar pajjiżi siguri għal persuni LGBTIQ u l-aktar progressiv f'termini ta' ugwaljanza fil-liġijiet, fejn jirrigwarda persuni LGBTIQ.  

Il-Panama: L-għerq ta' inkwiet kbir 

Il-kwiet u l-progress tal-ewwel sentejn ta' Gvern Laburista ġdid tkissru bl-aħbar li kienet ħarġet Daphne Caruana Galizia li żvelat kif l-eks Ministru Konrad Mizzi kellu kumpanija li ma kienx iddikjara quddiem il-Parlament, miftuħa fil-Panama - ġurisdizzjoni ta' segretezza, popolari ma' dawk li jridu jevadu t-taxxa fuq dħul li ma jridux illi jidher. Ftit wara, irriżulta li anke Keith Schembri kellu kumpanija fil-Panama li kien fetaħ fl-istess żmien li matulha fetaħ il-kumpanija Mizzi. Imbagħad irriżulta li fl-istess żmien infetħet kumpanija oħra, Egrant Inc. li s-sid tagħha ma kienx magħruf min hu.  

Minn hemmhekk infetħet il-Kaxxa ta' Pandora li wasslet biex Muscat, Mizzi u Schembri jispiċċaw jirriżenjaw fl-inglorja.  

Apparti l-mistoqsijiet dwar ta' min hija Egrant u l-argument li bilfors trid tkun ta' Muscat u apparti l-argumenti tal-PN dwar il-fatt illi Ministru ewlieni u Chief of Staff - li kien de facto Prim Ministru - jiftħu kont f'ġurisdizzjoni maħmuġa, imbagħad bdew ħerġin bil-mod, il-mod id-dettalji li kull darba kienu qed iħarbtu l-aġenda tal-Gvern u jitfgħuh f'dawl xejn sabiħ.  

Kienet żvelata email illi turi li f'dawn il-kumpaniji kellhom jidħlu $2 miljuni - €5,000  kuljum minn attivitajiet marbutin ma' turiżmu, skart u aktar minn pajjiżi bħall-Indja u l-Bangladesh.  

Imbagħad - permezz tad-Daphne Project, konsorzju ta' ġurnalisti u midja Maltija u internazzjonali - sirna nafu li Hearnville Inc. u Tillgate Inc. (il-kumpaniji fil-Panama ta' Mizzi u Schembri) kienu Target Clients ta' 17 Black - kumpanija oħra sigrieta f'Dubaj li kienet ta' Yorgen Fenech - li kien Direttur fil-proġett tal-Power Station ta' Delimara. Target Clients ifisser li dawn kienu se jagħtu jew jirċievu flus mingħand 17 Black.  

Agħar minn hekk, iżda kien żvelat kif f'17 Black kienu daħlu $1.6 miljun. Trasferiment ta' $1.4 miljun kienu ġejjin mill-Ażerbajġan - minn Rufat Baratzada, permezz ta' kumpanija fis-Seychelles, jisimha Mayor Trans, skont rapport tal-FIAU.  

Issa l-Ażerbajġan huwa l-pajjiż minn fejn il-Gvern - permezz tal-Electrogas - qabel li jixtri l-gass għal 18-il sena permezz ta' Socar, il-kumpanija nazzjonali tal-istess pajjiż.  

$200,000 oħra kien irrapportat illi kienu ġejjin mill-Aġent Lokali tat-Tanker tal-gass.  

Minn hemmhekk qam kjass sħiħ ta' protesti mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista u mistoqsijiet dwar il-konnessjoni bejn il-kumpaniji fil-Panama u l-proġett tal-Electrogas.  

Fuq il-Gvern intefgħet pressjoni enormi, speċjalment fuq Muscat, Mizzi u Schembri bit-temperatura politika tibda tiela' u tisħon mhux ħażin.  

Iżda mbagħad kien hemm "splużjoni" li wasslet biex saħansitra bdiet dieħla tensjoni qawwija fil-pajjiż u diskors biex kważi, kważi jsir kolp ta' stat u l-Gvern ta' Muscat jitneħħa mill-poter. Dan seħħ wara li Daphne Caruana Galizia ippubblikat storja illi kienet tgħid illi Egrant Inc kienet ta' Michelle Muscat u li sors - li wara sirna nafu li hija Maria Efimova, imfittxija mill-Pulizija b'akkużi ta' frodi u kalunja - kienet qaltilha illi kien hemm dokument f'safe fil-kċina li kien juri dan. Aktar minn hekk qalet illi kienu għaddew mal-$1 miljun mill-Ażerbajan għal kont ta' Egrant.  

Muscat fetaħ inkjesta li ma kienet sabet ebda rabta diretta bejn Egrant u Michelle Muscat, ma kinitx sabet safe fil-kċina u kienet sabet ukoll li l-firem fuq id-dokumenti ta' Mossack Fonseca li kienu qed juru li Michelle Muscat hija sidt Egrant, kienu ffalsifikati.  

Dan ifisser illi l-kwistjoni tal-Panama kellha fortuni differenti għall-Gvern. Żgur ħafna aktar dannuża għall-Partit Laburista, bid-dannu jikber sew mal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. 

Tinqatel Daphne: L-akbar tebgħa fuq il-Gvern fl-aħħar 10 snin 

Lilhinn mill-opinjoni diversa dwar il-persuna, is-16 ta' Ottubru 2017 kienet tebgħa kbira fuq il-pajjiż - li spiċċa fl-aħbarijiet internazzjonali għal raġunijiet ħżiena ħafna: Assassinju ta' ġurnalista, u biex tgħaxxaq, ġurnalista li kienet l-aktar kritika tal-Gvern u li kixfet il-kumpaniji fil-Panama, li bdiet turi illi taf xi ħaġa dwar 17 Black u li kif diġà għidna kienet kitbet l-istorja illi Egrant Inc hija ta' Michelle Muscat. Bi sfortuna għall-Partit Nazzjonalista, hija kellha kritika qawwija u bla ħniena lejn Adrian Delia wkoll u kienet ħarġet storja dwar flus f'kont f'Jersey f'isem Delia marbut ma' flus minn ċrieki ta' prostituzzjoni.  

Il-qtil ta' Caruana Galizia wassal għal moviment qawwi kontra l-Partit Laburista mmexxi minn NGO ġdida u voċifera ħafna, Repubblika. Il-ġimgħat wara l-assassinju kienu kkaraterizzati minn kundanni, protesti u temperatura politika li mill-ġdid kienet tiela' sew.  

Il-Gvern ta' Muscat kien taħt ħafna pressjoni lokali imma wkoll internazzjonali u ewropea bil-Parlament Ewropew jitfa' ħarstu, daqs qatt qabel, fuq pajjiżna b'mozzjonijiet ta' kundanna u Plenarji b'elenku ta' kundanni u diskorsi xejn kumplimentużi lejn Malta. Intbagħtu delegazzjonijiet mill-Parlament Ewropew hawn Malta biex jevalwaw is-saltna tad-dritt f'pajjiżna.  

Dan ifisser li s-sistemi kollha ta' pajjiżna: Mill-Ġudikatura, sal-Korp tal-Pulizija, il-qrubija bejn id-dinja politika u n-neogzju, il-midja u kif topera, ġew kollha taħt il-lenti ta' sorveljanza ewropea. Dan kien ifisser illi f'daqqa dak li għal snin kien prassi jew kien jgħaddi u dak li għal snin kien in-norma - fosthom il-poter tal-PM - issa ġew taħt skrutinju rett mill-Unjoni Ewropea.  

Imma l-qtil tal-ġurnalista kien għadu se jibda jwassal għal kriżi politika kbira li laqtet lill-Gvern u rat lill-aktar nies kruċjali fih jirreżenjaw, minkejja li sentejn qabel kienu rebħu l-elezzjoni b'maġġoranza ta' 36,000 vot.  

Kollox beda bl-arrest ta' Yorgen Fenech, is-sid ta' 17 Black, li sussegwentement ipponta subgħajh lejn Keith Schembri bħala l-mandant ta' dan il-qtil.  

Minn hemmhekk is-sitwazzjonijiet evolviet f'waħda diżastruża għall-Gvern: Laqgħat tal-kabinett ma jispiċċawx u jibqgħu għaddejjin mal-lejl, ittri li jitfgħu l-ħtija tal-qtil fuq Chris Cardona, laqgħa fid-dar ta' Joseph Muscat bejnu u Keith Schembri u finalment l-arrest tal-istess Schembri biex ikun interrogat. Dan wassal għar-riżenja ta' Schembri u ta' Mizzi ftit warajh.  

Protesti kbar imlew it-toroq tal-Belt Valletta, għajjat u storbju quddiem il-Parlament, id-Deputati Laburisti maqbudin fil-Parlament u t-temperatura politika kient laħqet livelli perikolużi. Mijiet ta' Laburisti jinġabru rrabjati quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, filwaqt li mijiet oħrajn għadhom il-Belt iżommu lid-Deputati milli joħorġu mill-Parlament. Il-lingwaġġ fuq il-midja soċjali jibda wkoll jiggrava.  

Ftit sigħat biss wara seħħ dak li fiċ-ċirkostanzi kien inevitabbli: Joseph Muscat, li salva lil-Labour minn ħalq l-irrelevanza u li rregalah b'saħħa politika enormi u rebħiet rekord, 'il-King' għal ħafna partitarji Laburisti, iħabbar ir-riżenja tiegħu wara kontestazzjoni interna għal Mexxej Laburista ġdid.  

Uffiċjali tal-Partit Laburista li kienu tkellmu miegħi, kienu ddeskrivew dan il-mument bħala l-aktar mument iebes għall-partit, speċjalment għal dawk li ħadmu tant mill-qrib ma' Muscat.  

Il-każ ta' Caruana Galizia għadu għaddej u allura għadu mhux każ magħluq.  

Ma' dan hemm il-każ tal-VGH li fl-aħħar ġimgħat din il-gazzetta tatu ħafna spazju, każ li kompla sammar l-imsiemer fil-legat politiku ta' Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi. 

Dan il-każ ukoll għadu qed jiżviluppa u hemm Inkjesta Maġisterjali miftuħa mill-Għaqda Repubblika li jaf ikollha konklużjonijiet dannużi għal dawk responsabbli għall-kuntratt tal-VGH/Steward u anke għall-Gvern ta' Abela.  

Tiġdid li żammu b'saħħtu 

F'nofs il-kriżi politika tal-2019 li wasslet għar-riżenja ta' Muscat kien kważi beda jidher illi l-Labour kien wasal f'xifer l-irdum u kien beda t-triq inevitabbli għan-niżla, iżda min ħaseb hekk, ma setax kien iktar żbaljat.  

Mill-qalba ta' din il-kriżi l-Partit Laburista wettaq proċess li ra lit-tmexxija tal-Partit Laburista tinbidel u minkejja l-għajta tal-kontinwità l-ewwel irjus li ttajru kienu dawk illi kienu kkawżaw imbarazzament lill-Gvern: Mill-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar sa' Keith Schembri u Konrad Mizzi li tkeċċa mill-Partit Laburista bl-aktar mod inglorjuż wara mozzjoni ta' Robert Abela quddiem l-Eżekuttiv. Waqfu l-maratoni tal-iżbarazzar tal-mafkar ta' Daphne Caruana Galizia, il-PM Abela ltaqa' mal-familja Caruana Galizia u bdew elenku ta' riformi, fosthom il-ħatra tal-Ġudikatura, il-mod kif jinħatru l-President tar-Repubblika u l-Ombudsman, fost oħrajn.  

Minkejja li kif rajna fl-aħħar ġimgħat il-Gvern għadu qed jiffaċċja kritika dwar ftehimiet, dawn huma marbutin direttament ma' deċiżjonijiet li ttieħdu mill-Amministrazzjoni ta' Muscat, primarjament minn Keith Schembri u konrad Mizzi.  

Keith Schembri - ġie arrestat u qed jiffaċċja diversi akkużi relatati ma' ħasil ta' flus marbutin ma' proġett mal-Allied Newspapers, kuntrarjament ta' dak kollu mistenni.  

Apparti l-bidla fit-tmexxija Laburista fl-2020, kien hemm bidliet partikolari wkoll fil-Kabinetti Laburisti b'diversi nies ġodda llum li ma kinux fil-Kabinett sal-2020: Miriam Dalli, Clyde Caruana, Chris Bonett, Rebecca Buttigieg, Alicia Bugeja Said, Alison Zerafa Civelli, Jo Etienne Abela, Keith Azzopardi Tanti, Jonathan Attard, Clayton Bartolo, Andy Ellul u Silvio Schembri lkoll huma uċuħ kompletament jew relattivament ġodda għall-Kabinett.  

Dan allura jfisser li fit-tmexxija tal-Gvern kien hemm element kontinwu ta' bidla ta' wċuħ fid-Dekasteri differenti, apparti l-fatt li ċerti dekasteri inbidlu f'sinjal ukoll ta' bidla: Fosthom Ian Borg li tilef id-Dekasteru tat-toroq u ingħata l-Affarijiet Barranin, Roderick Galdes li inħatar f'Ministeru iddedikat biss għal-Housing u Stefan Zrinzo Azzopardi li ingħata Ministeru ddediktat għall-Ippjanar, deksateru pjuttost kontroversjali.  

FATF: Dħalna, inkwetajna... Imma ħriġna b'wiċċ il-ġdid 

Sfida kbira li ffaċċja l-pajjiż fl-aħħar 10 snin kien il-fatt li l-avvenimenti kollha li poġġew tant skrutinju fuq Malta wasslu biex pajjiżna jitpoġġa fil-Lista l-Griża tal-FATF, minkejja li kien adotta ħafna mir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja u minkejja li pajjiżna għadda mit-test tal-Moneyval ukoll.  

Minkejja l-argumentazzjoni tal-Gvern li kien wettaq ħafna mill-proposti tal-FATF, il-fatt li Malta kienet l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea li tpoġġiet f'din il-lista għamel ħsara lir-reputazzjoni tal-pajjiż u tefa' lis-Settur Finanzjarju f'inċertezza konsiderevoli. Ir-riskji kienu kbar u kieku bqajna fil-Lista l-ħsara jaf kienet tkun kbira.  

Minkejja dan, il-Gvern ta' Robert Abela deher determinat li jiffaċċja u jindirirzza din l-isfida, bir-riżultat ikun li Malta ħarġet mil-lista fl-inqas żmien possibbli u aktar importanti minn hekk, bl-inqas effetti detrimentali fuq is-settur finanzjarju ta' pajjiżna, kif ukoll dak tal-Gaming.  

Tal-FATF kienet verament każ ta' 'So close and yet so far' minn daqqa ekonomika konsiderevoli, kkawżata direttament minn istanzi u avvenimenti politiċi lokali.  

Il-Pandemija: Żammejna fil-wiċċ minkejja l-akbar sfida mis-snin 40 

Pero' l-akbar kriżi li ffaċċja pajjiżna f'dawn l-10 snin kienet kriżi internazzjonali li ġabet lid-dinja prattikament għalkopptejha. Il-pandemija għalqet lin-negozji, sakkret lin-nies ġewwa u għalqet l-ajruport illi nfakkru illi huwa prattikament pulmun għall-pajjiż flimkien mal-baħar. Din kienet daqqa li verament ħadha kulħadd iżda li nħasset l-aktar minn pajjiżi fejn id-dipendenza fuq it-turiżmu hija waħda għolja ħafna, fosthom Malta. Apparti mill-apsett ekonomiku kellek ukoll dak kruċjali tas-saħħa, b'nies li kienu qed jitilfu ħajjithom u poplu fi kważi stat ta' paniku. Kulħadd maqful ġewwa, il-ħajja soċjali kompletament wieqfa u familjari ma jistgħux imqar jaraw lil qrabathom fl-aħħar mumenti, jew lanqas biss jistgħu jagħtu l-aħħar tislima lill-maħbubin.  

Għall-Gvern, bħal kull Gvern ieħor fid-dinja, din kienet uġigħ ta' ras kbira ħafna. Theddida serja li l-ekonomija tikkrolla jew tieħu daqqa li ma tqumx minnha.  

Il-Gvern kellu mumenti xi ftit imbarazzanti fejn ġie kkritikat bl-aħrax, fosthom il-kumment tal-PM Abela li l-mewġ qiegħed fil-baħar u d-dħul ta' turisti mhux vaċċinati fil-pajjiż li wassal għal mewġa oħra ta' każi, meta l-affarijiet kienu donnhom ġew lura għan-normal.  

Kollox ma' kollox iżda l-ġudizzju, speċjalment dak ekonomiku, kien wieħed tajjeb ħafna. Il-Gvern nieda il-Wage Supplement li kienet injezzjoni kruċjali li wasslet biex ma jintilfux impjiegi, prospett reali ħafna fid-diversi oqsma milquta. Il-Gvern ħareġ il-vouchers, li kienu imbuttatura importanti u kruċjali għall-konsum u l-infieq biex tiddawwar ftit ir-rota, għen fil-kirjiet tal-ħwienet minħabba li diversi sidien kellhom jibqgħu jħallsu l-kirja anke jekk kellhom jgħalqu. Il-Gvern għen ukoll f'moratorji, ta għajnuna lill-midja - speċjalment dik stampata - naqqas il-konijiet tad-dawl u l-ilma għan-negozji, filwaqt li ta għotjiet lil stabbiliment, bħal każini tal-banda u anke clubs. Ħareġ ukoll diversi skemi marbutin mat-turiżmu: Mill-iskejjel tal-Ingliż sal-iskejjel tal-għadds sa għajnuna lil-lukandi u ħidma ta' rkupru li ħalliet riżultati tajbin hekk kif fl-2022 it-turiżmu reġa' ġie qrib ħafna n-numru ta' wasliet li kien intlaħaq fl-2019, sena rekord.  

Mil-lat ta' saħħa l-Gvern ħalla wkoll impatt tajjeb, fis-sens illi Malta kienet fuq quddiemnett fl-għoti tal-vaċċin fid-dinja kollha u kienet saħansitra mfaħħra mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għal mod kif mexxiet il-proċess f'dak li jitratta s-servizz tas-saħħa.  

Minkejja l-kritika - xi kultant ma taqta' xejn, ftit minnha ġustifikata u oħra ħafna inqas - il-kawtela tal-Gvern biex jerġa' jiftaħ in-negozji u jerġa' jibda attivitajiet bħall-festi, ħalliet il-frott għax kollox donnu reġa' fetaħ mingħajr skossi u mingħajr ma kien hemm problemi kbar marbutin mas-servizz tas-saħħa.  

Biex tgħaxxaq... Tibda Gwerra u jogħla kollox! 

L-għeluq ta' dawn l-10 snin offrew sfida oħra, din id-darba sfida li messet żewġ punti importanti: Is-sigurtà u l-għoli tal-ħajja. Il-gwerra ma setgħetx ġiet f'mument agħar għad-dinja li kienet qed tistejqer mid-daqqa tal-pandemija.  

Il-gwerra offriet u għadha qed toffri sfida serja għas-sigurtà tal-kontinent ewropew, speċjalment jekk ir-Russja tiddeċiedi li tibda gwerra nukleari. Din il-gwerra wasslet lill-Ewropa u lil Malta biex tieħu deċiżjonijiet li jinkludu sanzjonijiet fuq ir-Russja, inkluż fuq il-gass u ż-żejt, realtà li wasslet biex jogħla bil-kbir il-prezz tal-enerġija madwar il-kontinent.  

Il-Gvern kellu mument imbarazzanti hekk kif kellu jiddeċiedi li jwaqqaf l-għoti taċ-ċittadinanza lil persuni Russi. Imbarazzanti fis-sens, li l-Programm ta' Ċittadinanza reġa' ġie taħt skrutinju ewropew hekk kif Malta hija l-unika pajjiż fl-UE li fil-fatt ibigħ iċ-ċittadinanza u li ma għandux pjan biex iwaqqaf tali skema. Dan apparti li l-PM Abela donnu indika - għall-ewwel li mhux se jwaqqaf iċ-ċittadinanza lil persuni Russi, biex imbagħad iffaċċjat bi pressjonijiet ewropej kellu jagħmel dan.  

Ta min infakkru li din l-iskema li fl-aħħar mill-aħħar qed tbigħ iċ-ċittadinanza ewropea mhux biss ġiet taħt skrutinju u kritika fl-istituzzjonijiet ewropej, iżda saħansitra waslet biex il-Kummissjoni Ewropea tiftaħ każ quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja propju biex pajjiżna jwaqqaf tali skema. 

Issa lura għall-gwerra. Il-gwerra fissret ukoll li Malta, bħall-bqija tal-Ewropa bdiet tiffaċċja inflazzjoni rekord, kollox jogħla speċjalment il-laħam, żejt, ġobnijiet u spiċċa imbagħad għola kollox: Minn servizz għand beutician, sa qatgħa xagħar sa membership f'xi gym, kollox dejjem taħt il-kappa li "kollox qed jogħla."  

Tant kienet rerkord l-inflazzjoni li fil-fatt din irriżultat f'COLA rekord ta' €9.90.  

Naturalment l-għoli tal-ħajja jolqot il-but u l-but huwa l-aktar fattur importanti, li l-votanti (mhux Maltin biss) jikkunsidraw meta jiddeċiedu jekk jagħtu jew ma jagħtux appoġġ lill-Gvern.  

Il-Gvern ta' Abela iżda ħa passi pożittivi biex jilqa' għal din ir-realtà, primarjament li laqa' għall-għoli fil-prezzijiet tal-enerġija b'sussidju ta' madwar €600 miljun fis-sena, li fl-aħħar mill-aħħar ifisser aktar finanzi tal-pubbliku li qed imorru biex jilqgħu għal din ir-realtà.  

Il-Gvern ta wkoll miljuni f'sussidji lill-importaturi tal-qmuħ.  

Minkejja kollox iżda u minkejja l-għajnuniet l-effetti inflazzjonarji baqgħu hemm u l-ħajja għoliet mhux ħażin, b'impatt mill-ġdid fuq is-saħħa tal-pagi.  

More in Politika