Vitals: Kapitlu ikrah għal-Labour li Abela jrid jara kif se jagħlaq u li jaf idawwar favurih

Filwaqt li Mizzi, Muscat u Schembri ma għadhomx fix-xena politika llum, u r-reputazzjoni tagħhom issa hija mtappna, Robert Abela huwa l-preżent politiku u allura ħafna aktar mill-predeċessur tiegħu jrid dan il-kapitlu magħluq u l-kwistjoni newtralizzata jew saħansitra mdawwra favur tiegħu

Il-kwistjoni tal-Vitals Global Healthcare żgur fuq li żgur illi ma għamlet ebda pjaċiri lill-Partit Laburista u apparti li reġgħet fetħet ferita partikolari, reġgħet ukoll poġġiet lill-partit u anke lill-Prim Ministru f'qagħda xejn komda u fuq id-difiża, jiddefendi kuntratt ffirmat minn persuna li hu stess keċċa mill-partit u li huwa marbut mal-Gvern tal-predeċessur tiegħu. 

Ma jistax jiddefendi u lanqas jista' jattakka: Jagħmel x'jagħmel se jaqla' kritika 

Il-problema politika tal-Prim Ministru hija illi minn naħa ma jistax jiddefendi l-mod kif ingħata l-kuntratt - kemm mil-lat ta' tendering pero' wkoll mil-lat tal-ħsieb wara dan il-proġett -   u minn naħa l-oħra ftit li xejn jista' jiftaħ il-kanuni fuq Konrad Mizzi, Keith Schembri u speċjalment - għal raġunijiet li se nanalizzaw fil-qosor f'dan l-artiklu -  fuq Joseph Muscat.  

Abela ftit baqgħalu fejn jimmanuvra hekk kif l-kuntratt mal-VGH, issa għandu t-timbru u t-titlu xejn oneruż illi sar minn kumpanija li kienet qed tiffroda lill-poplu u tigdeb lill-awtoritajiet sabiex takkwista tliet sptarijiet għall-arrikament tagħha. Fi kliem ieħor biex tistagħna hi "minn fuq dahar il-poplu Malti u Għawdxi." Dan apparti li l-istess sentenza tal-Qorti tisħaq illi l-kuntratt kien magħmul biex perfettament jaqdi mill-koxxa lill-kumpanija à skapitù tal-poplu.  

Jekk il-VGH/Steward ma twettaqx dak mistenni minnha u allura tikser il-kuntratt u allura l-Gvern iwaqqaf l-istess kuntratt, huwa l-Gvern li jrid iħallas €100 miljun u mhux il-kontra. Dan apparti li l-eks Ministru Konrad Mizzi, baqa' għal darba, darbtejn jestendi ż-żmien li matulu jridu jkunu lesti l-proġetti li suppost VGH/Steward kellhom iwettqu u li baqgħu ma twettqux.  

Il-PM Abela jkun qed jagħmel suwiċidju politiku jekk jiddefendi l-kuntratt, li frankament, huwa indifensibbli. Il-midja indipendenti ilha tisħaq li dan kuntratt jinten, l-Oppożizzjoni l-istess u issa kienet ikkonfermata f'sentenza tal-Qorti li l-Gvern stess, fl-ebda ħin, ma kkontraddixxa.  

Jista' iżda jibqa' jiddefendi l-proġett minnu nnifsu u jintrabat illi minflok se jagħmlu VGH/Steward se jagħmlu l-Gvern - kif fil-fatt indika fil-qosor waqt id-dibattitu Parlamentari. 

Fil-fatt l-idea tal-Isptar San Luqa bħala Sptar tar-Rijabilitazzjoni state-of-the-art huwa idea tajba ħafna. Għalhekk il-Gvern u speċjalment Abela għandu jesprimi determinazzjoni li dan il-kuntratt ikun itterminat fl-iqsar żmien possibbli - kif fil-fatt qed jindika -  u minflok jeħodha fuqu illi dawn il-proġetti isiru, jsiru b'mod serju, bi tragwardi ċari u finalment l-Isptarijiet - speċjalment dak ta' San Luqa - jibdew iservu ta' ċentri tas-saħħa ta' eċċelenza, kif jixraqlu l-poplu.  

Jekk Abela jirnexxilu jagħmel dan u aktar minn hekk, sal-elezzjoni ġenerali, jilħaq jwettaq wħud mit-tragwardi jkun dawwar din it-traġi-kummiedja li ħallas għaliha l-poplu u wieħed mill-aktar kuntratti sfaċċati, f'xi ħaġa pożittiva għalih u għall-Gvern li jmexxi .  

B'hekk ikun inqata' mil-legat ta' Muscat/Mizzi fuq dan il-proġett u ħalla l-marka tiegħu permezz ta' proġett imwettaq mingħajr id-dubji, mistoqsijiet u l-flus li ħadd donnu ma jaf eżatt fejn marru.  

Minkejja dan, din l-istrateġija hija waħda għat-tul u mhux se tkun daqstant faċli li Abela jeħles mill-mistoqsijiet u l-isfidi mill-Oppożizzjoni biex jippronunzja ruħu b'mod ċar fuq Mizzi u Muscat fid-dawl ta' din is-sentenza skjaċċanti.  

L-Oppożizzjoni: Se titfa' l-ħatab biex jinxtegħel in-nar tad-diżgwid intern fil-Labour 

Se tkun - u wieħed jifhem dan - l-istrateġija kontinwa tal-Oppożizzjoni li titfa' l-ħatab fuq nar li jaf jikber u joħloq tensjoni (anke jekk ma tkunx pubblika) fir-relazzjoni fraġli Muscat-Abela.  

Wieħed jifhem li Abela jrid jinqata' minn dan il-każ u jżomm elf mil 'il bogħod, l-ewwelnett għaliex il-kobba  hija mħabbla u minkejja li l-Qorti qed takkuża lil Steward b'aġir frawdolenti, min ibbenifika minn dan il-frodi, min iffaċilita jew min kien kompliċi fil-frodi għad ma nafux b'ċertezza u prova. Jiġifieri l-każ jista' jiżviluppa f'wieħed - kif indikat in-narrattiva tas-sentenza tal-Qorti - fejn Steward Healthcare tkun iffrodat lill-Gvern, illi kien parti inġenwa f'dan kollu, jiġifieri li l-Gvern u Konrad Mizzi kienu boloħ biżżejjed biex daħlu fi ftehim bħal dan. Imma jista' jiżviluppa wkoll f'xenarju fejn VGH/Steward wettqet frodi bl-għajnuna ta' xi ħadd li kien fil-Gvern, xenarju mill-aktar dannuż. 

Jiġifieri Abela jrid jiddistakka ruħu bil-kbir mill-proġett għax ma jafx jekk għandhiex qed inħarsu lejn l-iskandlu kollu jew biss il-quċċata tal-muntanja.  

Biex jagħmel dan b'mod assolut Abela ftit għandu għażla għajr li jikkundanna tali kuntratt u jħabbar pjan ċar għal dawn l-isptarijiet.  

Pero' Abela għandu problema oħra, li taħdem kontrih: In-narrattiva Soċjalista u Mintoffjana li titratta l-assi pubbliċi, "id-deheb u l-fidda tal-familja" li għandhom jibqgħu dejjem f'idejn il-poplu u mhux "f'idejn il-barrani." Narrattiva li tant kienet kruċjali u vanġelu għal politika Mintoffjana li kienet dwar iċ-ċentralizzar, iktar mid-diċentrallizar, li fl-1997/8 Mintoff ivvota kontra Gvern Laburista u sussegwentement waqqgħu minħabba l-moll tal-Birgu li kien se jmur għand il-privat. Iktar riċenti, fis-snin 90, il-Labour kien mexxa kumpanija qawwija ħafna kontra l-ipprivatizzar tal-Mid Med Bank. Kampanja qalila li rat lill-Partit Laburista jimmobilizza lin-nies u lit-tmexxija tiegħu.  

Dan ifisser illi hemm sezzjoni tal-għeruq illi kieku tneħħi lil Joseph Muscat mis-somma kollha, suppost ikunu bil-qalil kontra dan il-proġett, mhux biss għax huwa privatizzazzjoni ta' sptarijiet - infrastruttura meqjusa kruċjali għall-poplu - imma wkoll għax minn dan il-proġett ma ħa kważi xejn mill-flus li ħallas, għall-isptarijiet tiegħu.  

Dan il-kuntratt ukoll allura - minkejja l-appoġġ kawt ta' grupp voċiferu u leali ta' laburisti - jmur kontra l-prinċipji xellugin, soċjalisti u Mintoffjani f'kull każ. Dan jikkomplika xi ftit il-qagħda u l-pożizzjoni li jinsab fiha l-PM u Mexxej Laburista.  

Imma jikkundanna lill-kuntratt jew lil Mizzi/Muscat? 

Naturalment, dak huwa eżatt li l-PN qiegħed u se jkompli jagħmel pressjoni fuq Abela biex jagħmel. Għax, politikament, hekk jaqbel għall-PN. 

Imma Abela għandu problema - anke jekk iżgħar milli kienet qabel l-elezzjoni. Jekk jisfida jew jikkundanna lil Muscat jew il-legat tiegħu marbut ma' dan il-kuntratt se jkun qiegħed joħloq qasma fost l-għeruq. Hemm ħafna attivisti voċiferi Laburisti (hux maġġornza jew le ma nafux) li għalihom Muscat jibqa' l-aqwa ħaġa li ġrat lill-partit minn żmien Mintoff u li għalihom Muscat jibqa' fi klassifika għalih. Dawn qatt mhu se jaċettaw li l-eks PM u eks Mexxej tal-partit jiġi umiljat u probabbilment ma jaħfrux lil Abela, kif ħafna ma kinux ħafru lil Alfred Sant meta kien għajjar lil Dom Mintoff "traditur" fl-eqqel tal-kriżi politika tal-1997/1998.  

Dan ma jfissirx li ma hemmx ukoll sezzjoni dejjem tikber ta' attivisti u votanti Laburisti li jħossu l-bżonn li Abela jinqata' mid-dellijiet ta' kwistjonijiet li ilhom snin jagħmlu ħsara lill-Gvern Laburista u nies li isimhom sar sinonimu ma' kuntratti dubjużi jekk mhux "kważi kriminali" biex nikkwotaw is-sentenza tal-Qrati. Dawn l-attivisti jidher li huma ħafna inqas voċiferi fuq il-midja soċjali u jista' jkun ukoll li huma xi ftit jew wisq inqas investiti fil-Partit Laburista, jew inkella huma votanti li ressqu aktar lejn il-Partit Laburista fl-aħħar 15-il sena.  

Abela jaf ukoll li l-PN mhux se jagħmilhielu faċli jew jagħtih xi prosit. U allura soljev minn votanti nazzjonalisti żgur mhux se jsib. 

Jekk ma jiddistakkax ruħu minn ma' Muscat u Mizzi se jikkritikawh u jabbinaw il-kuntratt tal-VGH mal-legat ta' Abela u jekk jikkundanna lil Muscat jew Mizzi, il-PN se juża l-iskuntentizza, il-protesti jew saħansitra kritika qawwija ta' attivisti u uffiċjali tal-PL biex ipinġi stampa ta' "partit maqsum" - kif wara kollox ilu jagħmel b'suċċess il-Labour dwar il-PN.  

Imma l-Gvern se jqum minnha din id-daqqa? 

Li din is-sentenza hija daqqa, hija ovvja. Imma din mhux l-ewwel daqqa tat-tip tagħha li l-PL salva minnha, għax ħadha u reġà qam fuq saqajh fl-aspett ta' popolarità, xi ħaġa li l-Partit Laburista baqa' jagħmel għal darba, tnejn kontra kull aspettativa.  

X'inhu ċ-ċans li din tkun daqqa li l-PL u Abela ma jkunx jiflaħ għaliha?  

Wieħed irid jifhem ftit aħjar x'qed jaħsbu u x'qed iħossu n-nies dwar din il-materja. Din l-analiżi se tagħmel numru ta' assunzjonijiet li probabbilment huma qrib ir-realtà fit-triq. 

L-ewwelnett għandek dawk l-eluf li jħossu illi dan il-Gvern huwa korrott u li din is-sentenza tikkonferma u saħħaħ biss tista' dan it-twemmin u opinjoni li dan il-Gvern, imma speċjalment Joseph Muscat, telgħu fil-Gvern biex jarrikkixxu lilhom infushom. Probabbilment ħafna minn dawn in-nies fl-aħħar elezzjonijiet ġenerali ħassewhom ħafna aktar komdi jivvotaw lill-PN.  

Imbagħad għandek dawk l-eluf li jħossu li dan huwa attakk ieħor fuq il-Gvern Laburista u fuq Joseph Muscat minn partit li meta kien l-aħħar fil-Gvern kellu akkużi ta' korruzzjoni serji fuq ix-xiri taż-żejt, il-bini tal-Isptar Mater Dei u anke akkużi ta' governanza ħażina marbuta mal-assi tal-poplu, bħal dik relatata mal-art tal-Lovenbrau jew il-bejgħ tal-HSBC. Dawn in-nies probabbilment fl-aħħar elezzjonijiet ħassewhom ħafna aktar komdi jivvotaw lill-PL. 

Imbagħad għandek eluf ta' nies li ftit li xejn illi jinteressahom il-politika, għajr dak li jolqot lilhom, il-familja tagħhom, in-negozju tagħhom u l-livell tal-għixien tagħhom. Għalhekk is-sentenza tal-Qorti - forsi semgħu biha, jista' tkażaw b'li semgħu  - imma ftit se tagħmlilhom differenza, la f'ħajjithom u wisq inqas kif se jivvutaw fl-2024 jew lilhinn minn din id-data. Dan huwa s-settur tal-poplu - li l-elezzjonijiet qed juruna li dejjem qed jikber - illi huwa indifferenti lejn il-politika li ma għandux fiduċja fil-klassi politika kif inhi llum.  

Imbagħad u finalment għandek eluf oħrajn li jsegwu u jieħdu nota ta' dak li qed iseħħ, jitkellmu ftit dwar ħsibijiethom imma li meta jisimgħu b'dettalji bħal dawk tal-VGH u s-sentenza tal-Qorti jkunu rrabjati u diżillużi bil-Gvern u speċjalment b'Muscat - speċjalment jekk ikunu vvutawlu. Dawn l-eluf iħossu - għax qraw u informaw ruħhom b'mod spassjonat - li dak li ġara kien kuntratt, li jmur kontra l-interessi tal-poplu. Dan is-sentenza tgħidu bl-aktar mod ċar, meta saħansitra tisħaq li huwa "frodi" magħmul biex Steward issir sinjura minn fuq dahar it-taxxi tan-nies.  

Huwa dan l-aħħar grupp ta' votanti diżillużi u mxebbgħa bi stejjer simili li l-aktar illi Abela jrid illi jindirizza jekk irid li din is-sentenza u s-sens ta' rabja jiġu newtralizzati f'qasir żmien mingħajr wisq prezz politiku għoli.  

Ir-rettorika u l-battuti politiċi jistgħu jinżlu tajjeb ma' dawk li jaraw din is-sentenza biss bħala attakk, iżda mhux se timpressjona wisq lil dawk li huma rrabjati b'dak kollu li ilu ħiereġ fuq dan il-kuntratt. Il-fokus tal-Gvern u tal-Partit Laburista għandu jkun fuq kif se jieħu l-isptarijiet lura kemm jista' jkun malajr u kif se jkun hu stess li jagħmel dak li messu sar fl-2015: Jiġifieri jwettaq il-proġett, mingħajr il-kontroversji li kkaraterizzaw il-kuntratt tal-VGH. 

Abela - iffaċċjat b'sentenza mill-aktar skjaċċanti, ħafna aktar skjaċċanti milli wieħed seta' stenna - ma tantx għandu fejn idur politikament ħlief li jagħmilha ċara bi kliemu u azzjonietu li mhuwiex fuq in-naħa ta' Steward Healthcare/VGH u jittama li dan il-kapitlu jingħalaq kemm jista' jkun u malajr kemm jista' jkun.  

Il-kapitlu tal-VGH kien u għadu wieħed mill-aktar dannuż għall-Partit Laburista u aktar u aktar dannuż għal Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi - li kuntrarjament għal drabi oħrajn din id-darba baqa' f'silenzju assolut dwar is-sentenza u l-mistoqsijiet li qajmet dwar l-irwol li kellu f'dan il-ftehim.  

Id-differenza hija illi filwaqt li Mizzi, Muscat u Schembri ma għadhomx fix-xena politika llum, u r-reputazzjoni tagħhom issa hija mtappna, Robert Abela huwa l-preżent politiku u allura ħafna aktar mill-predeċessur tiegħu jrid dan il-kapitlu magħluq u l-kwistjoni newtralizzata jew saħansitra mdawwra favur tiegħu. 

More in Politika