Vitals: Mument tajjeb għall-PN... Imma għal kemm se jdum?

Bidu ta' PN aktar enerġetiku u li kapaċi jaqra l-emozzjoni tal-poplu jew fula f'qargħa ta' ewforija momentarja li se tiġi sorpassata biż-żmien u bl-istrateġija tal-PL? L-ILLUM tanalizza 

Għall-Partit Nazzjonalista dan huwa mument politikament tajjeb, il-mistoqsija iżda tibqa' jekk dan il-mument tajjeb hux se jservi ta' benefiċċju politiku għat-tul u hux se jwassal biex jagħti injezzjoni b'saħħitha lil partit li qiegħed lura sew f'termini ta' popolarità u li sa ftit ilu kellu lit-tmexxija tiegħu stess, fuq art xejn stabbli.  

Imma ejja nibdew naraw din is-sentenza f'liema kuntest politiku sabet lill-PN.  

Minn taħt, b'Kap li kien prattikament ċeda l-armi 

Il-kwistjoni tal-Vitals Global Healthcare sabet lill-Partit Nazzjonalista f'qagħda mill-aktar mwiegħra, wara 14-il sena illi matulhom tilef kull elezzjoni fuq livell nazzjonali b'distakk ikbar minn 33,000 vot. Dan ifisser li l-attivisti jinsabu mill-aktar diżillużi u sa qabel din il-kwistjoni l-qtigħ il-qalb kien l-ordni tal-ġurnata. Is-sentiment żgur li ma kienx wieħed pożittiv u l-aħħar sondaġġ politiku ma għen xejn biex is-sentiment isir wieħed ftit aktar pożittiv, hekk kif irriżulta li - għall-ewwel darba - dawk li qalu illi kieku issir elezzjoni ma jivvutawx kienu aktar minn dawk li qalu illi jivvutaw PN.  

Il-kuntest huwa xi ftit agħar ukoll għax ftit ġranet biss qabel ma ngħatat is-sentenza mill-Qrati, artiklu fuq The Sunday Times - li ma kienx imgiddeb - rrapporta illi Bernard Grech kien esprima l-intenzjoni li jitlaq minn Kap, sakemm ikun hemm kandidat li jista' jgħaqqad lill-PN kollu warajh jew warajha. Allura ftit qabel biss dan il-mument partikolari l-Kap tal-PN kien donnu qed iċedi l-armi u d-diskussjoni kienet dwar Roberta Metsola u jekk il-prospett li tiġi lura Malta u tieħu t-tmexxija tal-PN taħt idejha, hux wieħed reali jew le.  

Grech huwa t-tielet Kap mill-2013, meta l-eks PM Lawrence Gonzi kien ħa disfatta elettorali kbira. Warajh kien hemm Simon Busuttil, li fil-fatt kien irnexxielu b'suċċess jimmobilizza lill-attivisti Nazzjonalisti madwar il-kwistjoni tal-korruzzjoni fid-dawl tar-rivelazzjonijiet dwar kumpaniji fil-Panama ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi kif ukoll il-kumpanija l-aktar kontroversjali, Egrant. Minkejja dan Busuttil xorta sofra minn telfa kbira ħafna ta' kważi 36,000 vot. Warajh ġie Adrian Delia - li mexxa lill-partit għal tliet snin turbolenti ħafna kkaraterizzati minn ġlied intern u rivolta li rat lil Delia jitlef postu u issa Bernard Grech li tilef b'distakk elettorali rekord fl-2022.  

Wieħed jista' jimmaġina allura għaliex id-diżilluzjoni u l-qtigħ il-qalb huma konsidrevoli fil-PN.  

Saved by VGH! 

Għal min illum għandu mal-40 sena, jew ftit aktar jew inqas, jiftakar sew is-serje 'Saved by the bell'. L-espressjoni tfisser meta xi ħaġa tiġi f'ħin li ssalvak minn sitwazzjoni antipatka jew inkella negattiva.  

U jekk kien hemm sitwazzjoni fejn din l-espressjoni tista' tintuża hija propju din hekk kif is-sentenza tal-Qorti injettat żewġ affarijiet: Sens ta' enerġija fost l-aktar attivisti akkaniti u anke sens ta' għaqda bejn żewġ fazzjonijiet, dawk kontra Delia u dawk li tant huma favurih li għadhom isejħulu 'Kap'.  

Nibdew bl-enerġija.  

Is-sentenza skjaċċanti fil-konfront tal-VGH/Steward prattikament tat impetu qawwi lill-argument tal-PN kontra dan il-kuntratt u allura ħafna attivisti jħossu li din hija rebħa morali għal Adrian Delia u anke l-partit innifsu.  

Grech u dawk madwaru dan jafuh, għalhekk mill-ewwel deher ċar li l-PN kien se jibni kampanja sħiħa fuq din il-kwistjoni biex idawwar - kemm hu possibbli - ir-rabja ta' dak is-settur tal-poplu mhux daqstant marbut ma' karru politiku imma li jsegwi u jixtarr x'inhu jiġri (u li nagħmlu referenza għalihom fl-analiżi li fiha nitrattaw l-effetti politiċi ta' din is-sentenza fuq il-PL) f'appoġġ. Fil-fatt ftit wara s-sentenza l-PN beda b'elenku ta' konferenzi li fihom idoqq it-trombi ta' din ir-rebħa u jikkundanna lill-PL. Filwaqt li l-midja tal-PN kienet għaddejja bla waqfien fuq il-kwistjoni, numru ta' Deputati Nazzjonalisti ddikjaraw id-dibattitu dwar is-Sostenibbilità fil-plenarja parlamentari bħala wieħed "irrelevanti" u allura dawwru d-diskors tagħhom fuq is-sentenza tal-Qorti. Ilum stess - il-Ħadd - il-PN qed isejjaħ protesta nazzjonali quddiem Kastilja.  

Sa fl-aħħar, wara kważi sena ta' diżillużjoni, qtigħ ta' qalb u kritika kif ukoll aktar sondaġġi li juru illi l-PN ma kien sejjer imkien f'termini ta' popolarità, ix-xorti daħqet lil Bernard Grech u ppreżentatu b'opportunità biex imewwet xi ftit mid-dubji u l-isfidi direzzjonati lejn it-tmexxija tiegħu.  

L-attendenza u anke l-ħeġġa li inħass li kien hemm fis-sala prinċipali tad-Dar Ċentrali fl-ewwel Ħadd wara s-sentenza u anke l-folla li attendiet quddiem il-Parlament uriet biċ-ċar illi l-għeruq tal-partit ġew mobilizzati b'mod effettiv, għall-ewwel darba f'ħafna żmien. Fil-fatt l-aħħar li kienu mobilizzati hekk in-nazzjonalisti kien fl-2019, bid-differenza li dakinhar kienet l-għaqda Repubblika li mmobilizzat lin-nies u mhux il-PN.  

Verament, li l-VGH kienet ftit providenza għall-PN.  

Aktar minn hekk iżda din is-sentenza tat impetu qawwi lil Adrian Delia li fetaħ u baqa' jagħmel din il-kawża tiegħu. Għal Delia kienet rebħa u naturalment Grech ma setax ma jqiegħedx u ma jindirizzax lill-attivisti b'Delia maġenbu. Dan ta ftit sens ta' tama li l-partit jista' jingħaqad jew inkella jibda jbiddel il-perċezzjoni li għamiltlu tant ħsara, jiġifieri illi huwa partit maqsum, f'fazzjonijiet differenti - perċezzjoni li ssaħħet ħafna bil-gwerra interna kontra Adrian Delia fl-2020.  

Imma għal kemm? 

Imma issa ejja nagħtu kuntest ta' dak li qed jiġri biex nipprovaw nanalizzaw aktar jekk din il-kwistjoni hijiex waħda li se tħalli vantaġġ politiku għat-tul.  

Il-PN jiżbalja jekk jissottovaluta s-saħħa tal-Partit Laburista anke wara episodji u avvenimenti li kienu bil-wisq akbar minn dik tal-VGH. Fl-2019 il-PL fil-fatt iffaċċja waħda mill-eqqel kriżijiet fl-aħħar snin li rat lil Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri jirriżenjaw taħt dellijiet u mistoqsijiet serji marbutin ma' Yorgen Fenech u l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. Dawn l-avvenimenti li wasslu għall-protesti kbar u tensjoni politika qawwija fil-pajjiż ġew biss ftit xhur wara li l-Labour kien rebaħ l-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew b'42,000 vot. Analisti politiċi, membri tal-midja u dawk li segwew l-avvenimenti politiċi tal-2019 mill-qrib (barra l-Parlament u barra Kastilja l-aktar) kienu qed jaraw, ibassru jew jaqraw il-mument bħala dak li se jara l-eġemonija Laburista tinfired, tixxaqqaq u lil-Labour jibda jitlef mis-saħħa tiegħu speċjalment fost il-floaters u dawk li fl-2013 ivvutaw Labour għall-ewwel darba.  

Jekk dan ġarax jew le diffiċli wieħed jgħidu - li huwa żgur hu li jekk il-Labour tilef minn fost dawn is-setturi ta' votanti, sa sentejn wara għamel tajjeb għalihom permezz ta' votanti oħrajn u żied magħhom ukoll biex sentejn wara din il-kriżi politika rebaħ bi kważi 40,000 vot. 

'X'ġara? Kif jista' jkun?' Kien hemm min staqsa. Ir-risposti huma analiżi għalihom, iżda jidher ċar illi minkejja l-kriżi, ir-riżenja ta' Muscat u anke assassinju ta' ġurnalista, ħames snin qabel, il-maġġoranza tal-poplu ħass li quddiem realtà ta' sfida, bħal gwerra jew inkella pandemija l-Labour huwa garanzija ħafna aħjar ta' stabilità, għaqal bil-flus u garanzija li n-negozji jibqgħu fil-wiċċ. L-istess kif rajna riċentement fuq il-kwistjoni tas-sussidji għall-kontijiet tad-dawl, fejn mill-ġdid il-Gvern daħal għan-nies u qed jagħmel tajjeb għaż-żieda.  

Fl-2022 l-ekonomija qabdet rittmu b'saħħtu ħafna, it-turiżmu reġa' riesaq lejn iċ-ċifri tal-2019 (sena rekord) u l-kejk ekonomiku kiber b'7% meta mqabbel mal-2021. Il-konsum kiber b'10%, l-importazzjoni b'9.7% u l-esportazzjoni żdiedet b'6.4%. 

X'għandu x'jaqsam mal-VGH? Ma għandux bħala kontenut, imma għandu bħala effett politiku.  

Il-korruzzjoni - perċeputa jew reali - tħalli l-akbar effett meta l-poplu in ġenerali jħoss l-għafsa fil-but, speċjalment jekk ikun il-Gvern stess li joħloq l-ispejjeż (Government induced Costs) u ftit li xejn meta l-ekonomija qed terġa' tingrana għal-livelli ta' qabel il-pandemija.  

Il-PN għalhekk jeħtieġ juża dan l-eżempju bl-istess ħeġġa biex jirrifletti s-sentiment tal-poplu fuq kwistjonijiet oħrajn, fosthom is-sigurtà, il-popolazzjoni, l-ambjent u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Kwistjonijiet li qed jinkwetaw lill-Maltin. 

Erba' snin... 

Minn issa sal-elezzjoni ġenerali hemm erba' snin. Jekk il-PM Robert Abela jimbarka fuq proġetti li jitrattaw it-tliet sptarijiet in kwistjoni - kif indika li se jagħmel u kif fil-fatt tkun l-aħjar strateġija politika għalih - se jkollu madwar erba' snin li matulhom jista' jibda l-bidla mwiegħda fuq dawn il-proprjetajiet.  

Filwaqt li l-PN u Adrian Delia jkunu jistgħu jieħdu xi forma ta' ownership ta' proġett bħal dan, propju minħabba l-kawża u minkejja li l-PN jista' jkun li jgħid illi proġett (lest!) li jitratta dawn it-tliet sptarijiet hija rebħa oħra morali tiegħu, jekk sal-elezzjoni Abela se jkollu x'juri u se jkollu l-konkret x'juri - speċjalment fl-Isptar ta' Għawdex - se jkollu vantaġġ doppju: Ikun inqata' mil-legat ta' Muscat/VGH u jkun dawwar il-mument ħażin ta' bħalissa favurih (Ara paġni 8 u 9).  

Fuq din il-PN ftit għandu poter li jbiddel l-affarijiet. 

Delia jitfa' lil Grech fid-dell tiegħu 

U finalment, minkejja l-ewforija ta' bħalissa, jibqa' fatt li din ir-rebħa morali -  abbinata primarjament ma' Adrian Delia - fil-futur qrib se titfa' aktar lil Grech taħt id-dell tal-mistoqsijiet.  

Il-ħsieb jista' jkun li l-Kap li ġie skreditat u mkeċċi għax kien qed imur ħażin fis-sondaġġi, rebaħ kawża importanti li tat impetu lill-partit. Imma l-Kap li tela' biex isalva lill-PN minn ħalq telfa rekord, fil-fatt sofra minn telfa rekord u qatt ma rebaħ kawża li enerġizzat lill-PN  bħal jew daqs ma għamel Delia.  

In-narrattiva tal-PN hija "l-għaqda" u din hija importanti ħafna għal dan il-partit. Pero' wieħed irid jara x'inhu l-effett tal-fatt li donnu l-PN - anke min tant riedu barra - issa qed ikanta l-innijiet lil Delia. Jista' jkun li jissaħħaħ is-sens nostalġiku lejn Delia, l-idea li "ma messniex neħħejnieh" jew "aħjar ħallejna lilu Kap" - li żgur u mhux forsi ma tgħinx lil Grech ladarba l-ewforija politika li qajjem dan il-każ tibda tbatti.  

Allura se jkollu effett politiku fit-tul dan il-każ?  

Żgur li fil-mument qed juri li l-PN għadu forza b'saħħitha li kapaċi ġġib bidliet mill-Oppożizzjoni. Iżda l-VGH waħedha mhux se tagħmel mirakli jew iddawwar fortuni politiċi li ilhom iġġamjati 14-il sena.  

Jistgħu iżda jservu ta' kumpass u allura ta' kif il-PN jista' jitratta kwistjoni b'suċċess li jakkwistalu l-appoġġ li tant jeħtieġ.  

More in Politika