L-Isptar St Philips mill-ġdid għall-bejgħ wara 10 snin magħluq... Toħroġ sejħa għal dawk interessati

L-Isptar privat għalaq wara diffikultajiet finanzjarji, bil-kumpanija tirreġistra telf ta' madwar nofs miljun u bil-proprjetà għalhekk tmur għal bejgħ

Għadu kif infetaħ il-proċess għal talbiet ta' interess għax-xiri tal-Isptar privat St Philips, li ilu snin ma joperax u li ġie vandalizzat diversi drabi, filwaqt li lejn tmiem is-sena l-oħra kien hemm ukoll nirien.

L-għajta biex dan l-isptar jiġi riġenerat ilha issir bid-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott - dak iż-żmien Minority Leader fil-Kunsill Lokali ta' Santa Venera - ifakkar li l-proprjetà ilha f'tali kundizzjoni għal 10 snin u allura, f'pajjiż daqstant żgħir l-isptar għandu jkun riġenerat filwaqt li l-proprjetà tintuża għal skopijiet ta' użu pubbliku. Huwa kien appella u ħeġġeġ għal diskussjoni dwar dan l-isptar. 

L-Isptar fih 100 sodda u ilu magħluq mill-2012. Il-ftuħ tiegħu jmur lura għall-1993, meta kumpanija li kienet ta' Frank Portelli, bdiet tmexxi l-istess sptar mill-1995. 

L-Isptar privat għalaq wara diffikultajiet finanzjarji, bil-kumpanija tirreġistra telf ta' madwar nofs miljun u bil-proprjetà għalhekk tmur għal bejgħ. Dik is-sena stess bdew negozjati biex il-Gvern jikri l-isptar sabiex dan isir wieħed ta' rijabilitazzjoni u anke jixtrih wara t-tielet sena għal madwar €12-il miljun. Iżda l-Gvern imbagħad ma kienx aċċetta li jibqa' għaddej bin-negozjati fl-aħħar ħin, bi kritika mill-Oppożizzjoni Laburista dak iż-żmien dwar dak li kienet qalet illi hija nuqqas ta' trasparenza fil-proċess kollu. Il-kritika kienet ġiet ukoll mill-bankijiet tal-Gvern, li kien staqsa min kien se jagħti sptarijiet lura wara li jkun investa tant fih u rrinovah.

Waqt il-pandemija Portelli kien qal ili lest joffri illi juża l-isptar għal spazju għal pazjenti bil-Covid-19. Filmat fuq Youtube is-sena l-oħra kien juri l-proprjetà f'abbandun totali, b'dokumenti saħansitra jinsabu fuq il-post. Kienet saret ordni biex jittella' ħajt madwar id-daħliet tal-isptar, ordni li kienet segwita.

More in Politika